“L-Oppożizzjoni hija konsistenti fl-attakki tagħha fuq l-istituzzjonijiet meta jieħdu deċiżjonijiet li hi ma taqbilx magħhom.”
Hekk stqarr il-Prim Ministru b’reazzjoni għall-attakki li qed timmonta l-Oppożizzjoni Nazzjonalista fil-konfront tal-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti Anġlu Farrugia.
Dan hekk kif il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech talab biex tkun diskussa mozzjoni kontra l-Ispeaker, b’deċiżjoni favur dan id-dibattitu tittieħed mid-Deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg bħala Deputat Speaker wara li l-Ispeaker Farrugia rrikuża ruħu.
Il-Prim Ministru nnota kif l-Ispeaker saħansitra mexa fuq liġi li vvotaw fuqha l-Oppożizzjoni meta ġiet biex tkun addotata il-prassi tal-Kumitat għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika: “Inti Onorevoli Karol Aquilina, int kont Membru Parlamentari li vvutajt li waħda mill-pieni, mis-sanzjonijiet li hemm fl-Att tal-Istandards hija t-twiddiba u ċ-ċanfira. Mela allura inti ma tistax issa tiġi quddiem din il-Kamra u tgħid jien se nisfiduċja lill-Ispeaker għax applika l-liġi li vvutajt għaliha inti stess.”
Il-Prim Ministru stqarr kif il-verità hija li pajjiżna għamel ħemel ta’ riformi fl-aħħar xhur li fost l-oħrajn saħħew l-governanza f’pajjiżna iżda wkoll il-kwalità tal-ħajja tan-nies.
Semma kif fost l-oħrajn il-ħatra tal-Prim Imħallef illum qed issir b’żewġ terzi tal-Parlament biex b’hekk komplew jiżdiedu l-poteri tal-Parlament.
Dan l-istess għal President tar-Repubblika li mill-ħatra li jmiss ser ikun hemm il-qbil b’żewġ terzi tal-Kamra.
Semma wkoll il-ħatra tal-Kummissarju tal-Pulizija li llum jinħatar wara sejħa pubblika u wara skrutinju mill-Kumitat parlamentari għall-Ħatriet Pubbliċi.
Hawnhekk fakkar kif dakinhar l-Oppożizzjoni kienet ibbojkotjat dan il-proċess biex mal-ewwel opportunità tkun tista’ tattakkah.
Il-Prim Ministru Robert Abela stqarr li l-Parlament irid jibqa’ jaħdem b’mod effettiv u mhux b’manuvri ta’ politika partiġġjana.
Stqarr li n-nies iridu li fil-Parlament tkun imfassla l-bażi tal-futur tal-pajjiż.
Hawnhekk semma kif fit-tielet kwart ta’ din is-sena rajna tkabbir ekonomiku b’saħħtu fejn fl-ewwel disa’ xhur, it-tkabbir ekonomiku kien jiżboq it-tkabbir li esperjenza pajjiżna qabel il-pandemija: “Ma niġux hawn għal-logħob partiġġjan. Niġu hawn biex niksbu r-riżultati għan-nies, u niksbuhom qabel mistenni. Biex pajjiżna jerġa’ jilħaq il-livell t’attività, irnexxielna nilħqu l-livell t’attività li kellna qabel il-pandemija u sboqqnieha u għalhekk Sinjura President, fil-jiem u fil-ġimgħat li ġejjin f’dal-Parlament ser nibqgħu nġibu ’l quddiem riformi importanti, liġijiet b’saħħithom, liġijiet ambizzjużi biex nibqgħu nibnu lil Malta li rridu għal uliedna.”