Waqt diskors li għamel fil-ftuħ tal-Parlament, il-Prim Ministru Robert Abela nnota l-aġir tal-Kap tal-Oppożizzjoni, Bernard Grech, li l-id tal-ħbiberija għalih tfisser illi jew tgħaddi tiegħu jew ma jikkoperax fejn ma jaqbilx.
Dr Abela nnota kif minkejja li ġab l-akbar telfa elettorali fl-istorja ta’ Malta sovrana, il-Partit Nazzjonalista għadu ma tgħallimx.
Dan b’reazzjoni għad-diskors tal-Kap Nazzjonalista, Bernard Grech, li qal li l-Partit tiegħu se jivvota kontra n-nomina ta’ Anġlu Farrugia bħala Speaker tal-Parlament għax huwa imparzjali.
Qal, “Mhux talli jidher b’mod ċar li ma nbidel xejn fuq in-naħa tal-Oppożizzjoni, talli għall-ħabib tiegħi, il-Kap tal-Oppożizzjoni, l-id tal-ħbiberija taf xi tfisser? Illi tgħaddi tiegħu fuq kollox, illi l-mandat b’saħħtu illi ta l-poplu lil din in-naħa biex tmexxi, jiġi mwarrab għal kollox. L-attitudni tal-Oppożizzjoni llum turi kif id-deċiżjoni ta-26 ta’ Marzu għaliha ma tfisser.”
Il-Prim Ministru fakkar kif fl-aħħar leġiżlatura kien hemm episodji meta l-Ispeaker ivvota favur il-Gvern u drabi oħra meta vvota kontra. Qal kif id-Deputy Speaker, fil-leġiżlatura li għaddiet, tat rulings illi fil-fehma tal-Gvern kienu kontroversjali, imma ġew irrispettati, u din hija l-ikbar xhieda li l-Gvern jirrispetta l-istituzzjonijiet.
Min-naħa l-oħra, il-Prim Ministru nnota kif il-Gvern mill-ewwel qabel li d-Deputy Speaker ikun xi ħadd mill-Oppożizzjoni.
Qal, “Mhux biss qbilna dwar il-prinċipju mal-Oppożizzjoni, qbilna wkoll dwar in-nomina min-naħa tal-Oppożizzjoni u min-naħa tal-Kap tal-Oppożizzjoni nnifsu meta ressqu l-isem tal-Onorevoli David Agius mill-ewwel assenjajna l-intenzjoni tagħna li niddeċiedu li nivvutaw favur, kif se nkunu qegħdin nagħmlu.”
Dr Abela temm jittama li din ma tkunx l-attitudni tal-Oppożizzjoni tul din il-leġiżlatura.