Meta kien qed jindirizza lill-Ambaxxaturi ta’ Malta f’missjonijiet diplomatiċi lil hinn minn xtutna, il-Prim Ministru Robert Abela sostna li r-rappreżentanti ta’ pajjiżna għandhom responsabbiltà li jiżguraw il-paċi u l-prosperità.
Dan tħabbar fi stqarrija mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru fejn intqal li f’konferenza li tlaqqgħet f’Malta għall-Ambaxxaturi Maltin, il-Prim Ministru Abela saħaq li rridu nkomplu nagħtu futur sabiħ lill-ġens Malti.
Aċċenna li l-futur mhuwiex xi realtà ’l bogħod u b’hekk l-ambaxxaturi għandhom l-irwol kruċjali sabiex jimbuttaw l-interessi ta’ pajjiżna u jesploraw opportunitajiet ġodda filwaqt li nnota li sfidi internazzjonali jibqgħu hemm. Madankollu l-Prim Ministru rrimarka li l-pedament ta’ kollox huwa s-sigurtà u l-paċi, xi ħaġa li ngawdu f’pajjiżna u li dawn jiġu riflessi fi tkabbir ekonomiku li jissarraf f’investiment fin-nies f’diversi oqsma, bħas-saħħa, l-edukazzjoni u l-enerġija.
Il-Prim Ministru Robert Abela semma kif pajjiżna se jkompli jservi fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u f’April jerġa’ jkollu l-Presidenza ta’ dan il-Kunsill filwaqt li matul din is-sena qed jippresiedi wkoll l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa, l-OSCE.
Hawn innota wkoll l-irwol importanti li għandha Malta favur il-protezzjoni tal-valuri u l-prinċipji tal-OSCE b’rabta mas-sigurtà.
Fl-istqarrija intqal ukoll li l-Prim Ministru rrimarka wkoll d-diversifikazzjoni tal-ekonomija Maltija biex tibqa’ toffri opportunitajiet differenti u anki semma qafas regolatorju b’saħħtu li pajjiżna jħaddan f’oqsma differenti. Il-Prim Ministru Abela aċċenna għall-importanza tad-diplomazija kulturali u hawn irrefera għall-Biennale tal-Arti li se jsir f’Malta fil-ġimgħat li ġejjin, bl-iskop li jgħaqqad nies differenti.
Il-Prim Ministru tenna dak li impenjat li jagħmel il-Gvern, fejn issa se jkun qed japplika formalment biex pajjiżna jissieħeb fl-Organizzazzjoni għall-Koperazzjoni Ekonomika u l-Iżvilupp, l-OECD. Dan pajjiżna se jagħmlu mhux biss biex ikun aktar parteċipi fit-tiswir tal-politika internazzjonali u jippromwovi l-interessi tiegħu iżda anki jimbotta interessi komuni ta’ stati żgħar bħal Malta.
Il-Prim Ministru Robert Abela temm jirringrazzja lill-Ambaxxaturi u l-Uffiċjali fis-Servizz Diplomatiku għax-xogħol tagħhom b’risq pajjiżna u qal li huwa ottimist li l-ġejjieni jġib aktar opportunitajiet lejn Malta.