Il-Prim Ministru Robert Abela indirizza kampanja ta’ miż-informazzjoni li qed titqajjem b’rabta ma’ White Paper miftuħa għall-konsultazzjoni pubblika dwar ġustizzja aktar effettiva mal-vittmi tad-droga.
F’dikjarazzjoni ċara fi tweġibiet lill-ġurnalisti l-Ġimgħa filgħodu, il-Prim Ministru saħaq li l-pieni għat-traffikanti tad-droga se jibqgħu l-istess jiġifieri piena massima ta’ għomor il-ħabs li tfisser li priġunier misjub ħati b’piena massima fuq bejgħ tad-droga ikun ifisser li joħroġ mill-ħabs bħala persuna mejta.
Il-Prim Ministru Abela spjega li dak miftuħ għall-konsultazzjoni huwa dwar diskrezzjoni tal-Qorti dwar it-trattazzjoni tagħha quddiem dak akkużat quddiemha. Qal li bħalissa diġà dan jeżisti fuq ammont tad-droga li jkun allegatament inqabad bih il-persuna.
Mistoqsi dwar il-Caritas, il-Prim Ministru spjega li hemm diskussjonijiet għaddejjin u aċċenna li l-fehma tal-Caritas u l-esperti tagħha se tingħata piż enormi. “Fi żgur hu li l-Gvern mhu se jagħmel l-ebda riforma li se tkun kontra dak li trid is-soċjetà”, irrimarka Dr Abela hu u jaċċenna wkoll li mhu se jsir xejn sfurzat u l-Gvern se joqgħod fuq il-parir tal-esperti fejn hawn reġa’ semma l-Caritas, li ħadd ma jiddubita l-awtorità tagħha fuq din il-materja.
Il-Prim Ministru appella biex fuq din ir-riforma fuq suġġett tant sensittiv nintrefgħu ’l fuq mill-partiġjaniżmu hu u jappella wkoll li l-Oppożizzjoni biex ma tipprovax tiskorja punti politiċi. Fisser kif il-Partit Nazzjonalista qed jipprova jagħmel spin tal-opinjoni pubblika fejn hawn qed nitkellmu fuq White Paper u mhux liġi li hija lesta biex tgħaddi iżda l-Gvern qed jistenna l-fehmiet mis-soċjetà biex imbagħad abbażi ta’ dak il-proċess konsultattiv tittieħed deċiżjoni fl-aħjar interess tas-soċjetà.