“Proġett li se jfisser Malta aktar sostenibbli u nadifa.” Hekk ġie deskritt l-proġett massiċċ tax-shore to ship fil-Port il-Kbir u li ġie inawgurat l-Erbgħa filgħodu mill-Prim Ministru Robert Abela. Proġett li issa se jwassal għal tnaqqis drastiku ta’ 90% tat-tniġġis iġġenerat mill-bastimenti l-kbar li jidħlu fil-Port il-Kbir.
Dan hekk kif il-vapuri issa jistgħu jitfu l-magni u l-generators meta jkunu sorġuti fil-port biex b’hekk dan se jwassal għal titjib konsiderevoli fil-kwalità tal-arja għal madwar 17,000 familja li jgħixu f’din il-parti tal-pajjiż.
Fl-indirizz tiegħu tal-okkażjoni, il-Prim Ministru Robert Abela spjega li, permezz ta’ dan il-proġett, ukoll se jkun hemm tnaqqis ta’ gassijiet serra nett b’40% ta’ CO2 mill-cruise liners, minbarra tnaqqis ta’ aktar minn 90% fis-sustanzi mill-cruise liners li jniġġsu, u li jagħmlu l-ħsara.
Dan filwaqt li l-infrastruttura ta’ dan il-proġett tagħmilha possibbli li jkun hemm provvista ta’ enerġija lil ħames vapuri f’daqqa b’massimu ta’ 64MVA ta’ elettriku.
“Dawn huma r-riżultati. Li forsi ma jidhrux. Għax mhux qed tagħmel ġnien, jew proġett infrastrutturali. Imma huma riżultati li se jinħassu fl-aktar aspett importanti – saħħet in-nies. Sodisfatt ħafna li dan il-proġett ambizzjuż, bdejnih lejn l-aħħar tal-2020, meta konna f’pandemija. Hemm, minflok konna qegħdin naqtgħu qalbna, konna qegħdin nibdew dan it-tip ta’ investiment. Investiment li jpoġġih bħala wieħed mill-aqwa proġetti tat-tip tiegħu fl-Ewropa.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Dan il-proġett qed ikompli jiġi estiż biex ikollu 16-il point fil-Port il-Kbir, apparti li għaddej ix-xogħol fuq proġett ieħor ta’ shore-to-ship fiż-żona tal-Freeport.
Sadanittant, il-Prim Ministru sostna kif dan mhux l-unika proġett li mbarka fuqu l-Gvern favur it-tranżizzjoni ekonomika ta’ pajjiżna.
“Bdejna u se nkomplu bil-bidliet biex niġġeneraw aktar enerġija rinovabbli. Pereżempju, f’konsultazzjoni preliminari, daħlu 13-il proposta għall-iżvilupp potenzjali ta’ floating solar farms fl-ibħra territorjali Maltin. Kuntenti li r-rispons mill-investituri potenzjali lokali kif ukoll internazzjonali kien wieħed sostanzjali. Bl-istess mod irridu nibqgħu nesploraw attività ekonomika lil hinn mill-istess ibħra territorjali wara li għamilna l-bidliet leġiżlattivi.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Ma’ dan kollu, għaddejja l-ħidma favur l-installazzjoni tat-tieni interconnector, faċilitajiet favur ir-riċiklar tal-iskart f’riżorsa u r-riġenerazzjoni ta’ 40,000 metru kwadru ta’ art fl-aħħar xhur fi spazji miftuħa, fost ħafna aktar.
Min-naħa tiegħu, waqt li rringrazzja lill-partijiet kollha li wasslu għat-tlestija ta’ dan il-proġett, il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura, Chris Bonett, spjega li dan hu wieħed mill-ewwel proġetti tat-tip tiegħu fil-Mediterran b’investiment ta’ €33 miljun u li twettaq ukoll b’ko-finanzjament ta’ fondi Ewropej.
Fil-fatt spjega li l-proġett kien ko-finanzjat mill-programm tal-Unjoni Ewropea, Connecting Europe Facility.
Finalment fl-indirizz tiegħu, il-Prim Ministru sostna li din il-ġurnata għandha tibqa’ mmarkata bħala waħda importanti fil-qalba ambjentali li dan il-Gvern qed iwettaq.