Ġew inawgurati kwartieri ġodda għall-kumpanija BDO Malta. Fil-preżenza tal-Prim Ministru Joseph Muscat, din il-kumpanija fis-settur tal-oqsma tas-servizzi u l-awditjar issa se timxi lejn tkabbir sostennibbli tagħha.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ BDO Malta Mark Attard qal li l-kwartieri ġodda jissimboliżżaw strateġija ġdida ta tkabbir. Barra min hekk, hemm diversi proġetti oħra li qed jiġu ppjanati. Ewlieni fost dawn se tkun l-istrateġija Digital First.
Is-Sur Attard stqarr iżda li s-suċċess iġib miegħu iktar sfidi dan hekk kif qed isir dejjem iżjed diffiċli biex jinstabu mpjegati ġodda:
“Bħalissa nimpjegaw 80 professjonist mal-firm. Però ovvjament għadna pjanijiet biex nibqgħu niżviluppaw u nibqgħu nikbru. Is-sena d-dieħla naħseb ikollna 100 jekk mhux ftit iżjed li huwa tkabbir ta’ 25%”.
Is-Sur Attard elenka li dan il-pass ma kienx ikun possibbli mingħajr gvern bi aġenda pro-business:
“L-industrija kollha nimmaġina li hija ovvjament timxi skont kif inhi l-ekonomija. Aħna nikbru daqs kemm tikber l-ekonomija. Jiġifieri għalina mportanti ħafna”.
Il-kumpanija BDO din is-sena qed tiċċelebra l-40 sena t’ operat, u l-pass għall-futur huwa li tkun lesta għat-teknoloġiji emerġenti, dan hekk kif għadha kemm bdiet toffri servizzi fil-linji tal-blockchain u l-fintech.
Dan kien possibbli grazzi għal gvern li b’għaqal investa f’dan is-settur. Is-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri qal li l-gvern qed jara kunċetti ġodda kif firms eżistenti Maltin jiftħu linji ġodda, u li dawn qed jieħdu l-opportunitajiet li qed joffri l-Gvern bil-liġijiet li qed jagħmel.
Fl-indirizz tiegħu il-Prim Ministru qal kif is-settur tal-oqsma tas-servizzi huwa vetrina tas-suċċess ekonomiku Malti: b’qgħad baxx u livelli għoljin ta’ investiment. Ekonomija li tikber tgħin mhux biss lill-kumpaniji jkabbru l-operat iżda tgħin ukoll lil min hu batut, sostna il-Prim Ministru.
Il-Prim Ministru feraħ lill-BDO tal-espansjoni u l-pjanijiet tagħhom, filwaqt li fakkar kif issa l-pajjiż irid ikun iżjed kreattiv ħalli setturi emerġenti bħall-intelliġenza artifiċjali u l-eSports isiru niċeċ ekonomiċi ġodda.