Il-Prim Ministru Joseph Muscat żar kumpanija Maltija bbażata f’Shanghai, iċ-Ċina, bl-isem ta’ Base Malta, li tiffaċilita l-kummerċ bejn kumpaniji Maltin u dawk Ċiniżi. Huwa inawgura uffiċċji ġodda li din il-kumpanija għadha kemm ittrasferit fihom.
Il-kumpanija Base Malta, toffri għajnuna lill-kumpaniji Maltin li jridu jinvestu fiċ-Ċina u kumpaniji Ċiniżi li jridu jinvestu f’Malta, billi toffri konsulenzi, tiddentifika partners kummerċjali u anke tidħol ta’ interlokatur sabiex isolvi sfidi li jistgħu jinqalgħu bejn il-partijiet.Waqt l-istess laqgħa kien hemm preżenti intrapriżi Ċiniżi li għandhom ħsieb li jinvestu f’pajjiżna, fosthom kumpanija tad-drones li flimkien ma’ imsieħba Maltin diġà tefgħet applikazzjoni ma’ Malta Enterprise, u anke kumpanija li tipprovdi prodotti ta’ sbuħija magħmula mill-ħxejjex aromatiċi Ċiniżi, li trid tuża lil Malta biex tiċċertifika prodotti tagħha għal Ewropa.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat wera s-sodisfazzjon tiegħu għal dak li din il-kumpanija wettqet lil hinn minn xtutna u rringrazzja lis-Sur Noel Gauci, is-sid, tax-xogħol tajjeb li jwettaq biex jippromwovi lil pajjiżna.
Dr Muscat wera d-disponibilità tal-pajjiż sabiex ikun promoss aktar investiment f’pajjiżna anke billi fost l-oħrajn ikun hemm l-għajnuna mill-Malta Enterprise.