B’investiment ta’ miljun u mitejn elf ewro, spazju li kien sar bejta għall-vizzju misħut tad-droga sar ċentru ta’ servizzi ta’ ħarsien soċjali.
Il-binja li nibtet b’idea tal-Fondazzjoni Marigold ġiet imsejħa The Meeting Place għaliex dan il-post qed ilaqqa’ flimkien diversi għaqdiet mhux governattivi li qed jingħataw post minn fejn joperaw u joffru s-servizzi tagħhom fil-komunità.
It-Tlieta filgħaxija, fil-preżenza tal-Prim Ministru ġie inawgurat dan il-post fejn kull min dar miegħu seta’ jara l-aqwa faċilitajiet li se jagħtu servizz soċjali tal-aqwa kwalità.
Il-post fih kamra multi-sensory, mgħammra bl-aħħar teknoloġija fost l-oħrajn għall-persuni bl-awtiżmu u minnu jingħataw għadd ta’ servizzi terapewtiċi.
Dan il-post li qed jitħaddem b’kollaborazzjoni bejn il-Gvern, il-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali u l-Fondazzjoni Marigold se jagħti wkoll taħriġ lill-persuni vulnerabbli f’post tassew dinjituż.
Waqt l-inawgurazzjoni ta’ dan il-post li sar b’ko-finanzjament ta’ fondi Ewropej, iċ-Chairperson tal-Fondazzjoni Marigold semmiet kif dan il-proġett kien ħolma għall-għadd ta’ għaqdiet.
“L-idea tagħna kienet li noħolqu dan l-ispazju biex NGOs li għandhom x’jaqsmu mal-edukazzjoni, mas-saħħa u mas-soċjal ikunu jistgħu jiltaqgħu hawnhekk. Jagħmlu użu minn dan il-post u mhux biss jaħdmu huma individwalment bħala NGO imma kemm jista’ jkun ukoll isiru jafu iktar lil xulxin għaliex il-post se jġibhom aktar viċin xulxin,” qalet is-Sinjura Muscat.
Min-naħa tiegħu l-Ministru għall-Familja, id-Drittijiet tat-Tfal u s-Solidarjetà Soċjali Michael Falzon saħaq kif dan il-proġett huwa eżempju ċar ta’ kollaborazzjoni sabiħa bejn il-privat u l-Gvern.
F’indirizz li għamel ukoll il-Prim Ministru faħħar ħidmet l-għaqdiet mhux governattivi u irrimarka kif dan il-post li qed joffri l-ħarsien soċjali huwa aċċessibli minn kullimkien.