Il-Prim Ministru Robert Abela inawgura t-tieni fażi tal-proġett massiċċ tal-Park Nazzjonali ta’ Ta’ Qali, li se jservi bħala l-akbar pulmun aħdar li qatt ra pajjiżna.
Il-Prim Ministru Robert Abela inawgura t-tieni fażi tal-proġett massiċċ tal-Park Nazzjonali ta’ Ta’ Qali, li se jservi bħala l-akbar pulmun aħdar li qatt ra pajjiżna.
Fid-diskors li għamel il-Prim Ministru semma kif Gvern Laburista tul is-snin ma waqafx jinvesti sabiex titijieb il-kwalità tal-ħajja tal-familji Maltin u Għawdxin, u qal kif dan il-proġett huwa xhieda kbira ta’ dan.
“Il-politika tagħna trid tkun iċċentrata madwar il-bżonn illi kulħadd f’pajjiżna jħossu illi qed jgħix aħjar, ma hemmx dubju li dak li qed ninawguraw illum jikkontribwixxi bil-kbira għal dan il-għan, għaliex il-kwalità tal-ħajja ddur ma’ diversi fatturi, l-edukazzjoni, ix-xogħol, is-servizz tas-saħħa iżda ċentrali l-ħin ta’ rilassament u hawn se nagħtu wieħed mill-isbaħ postijiet fejn wieħed jista’ jirrilassa u fejn il-familji tagħna jistgħu jistrieħu.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru semma kif fiż-żmien li ġej irid jara aktar żoni miftuħa fl-irħula u l-ibliet ta’ pajjiżna u semma l-viżjoni ta’ dan il-Gvern għas-settur ambjentali f’pajjiżna.
B’referenza għal xogħlijiet oħra li għaddejjin f’dawn l-inħawi, fosthom fil-crafts village li wasal għall-aħħar fażijiet tiegħu, għas-Central Link, Buqana u l-Għeriexem, il-Prim Ministru sostna li dawn huma xhieda ta’ kif f’dan il-pajjiż irridu u se nkomplu nilħqu livelli ġodda.
Fiċ-ċerimonja ġie spjegat kif it-tieni fażi tal-proġett, li saret b’investiment ta’ ħmistax-il miljun ewro rat xogħlijiet estensivi, fosthom intervent sabiex isir 14,000 metru kwadru ta’ pavimentar ġdid.
Ix-xogħlijiet kienu jinkludu wkoll ir-restawr fil-ġebla tal-arkata, it-tħawwil ta’ għexieren ta’ siġar, servizzi ġodda ta’ tisqija, dawl ġdid, spazji b’faċilitajiet sanitarji, żoni ġodda fejn il-familji jkunu jistgħu jagħmlu picnics, ir-restawr tal-amfi-teatru b’850 siġġu ġdid għall-udjenza, spazji għall-artisti u esebizzjoni u anke pjazza mill-isbaħ li se tkun tista’ tintuża għal attivitajiet kulturali.
Il-Ministru għall-Proġetti Kapitali Ian Borg qal kif meta jitlesta dan il-proġett, il-Maltin u l-Għawdxin se jkollhom 450,000 metru kwadru ta’ spazji ħodor u rikreattivi.
“Għażilna li ninvestu wara li nippjanaw permezz ta’ master plan iż-żona ta’ Ta’ Qalli kollha. Jekk wieħed jieħu l-ispazju li n-nies kellhom aċċess għalih qabel bdejna x-xogħlijiet kien daqs 30 grawnd tal-futbol, meta jitlestew il-fażijiet in-nies ser ikollhom daqs sittin grawnd tal-futbol.”
Il-Ministru Ian Borg
F’kummenti ma’ ONE News, il-koordinatur tal-proġett Jason Micallef, spjega kif din il-fażi ħadet sena biex issir.
“Post fil-fehma tiegħi, li apparti ġie rrijabilitat min kif kien 21 sena ilu, post illi jagħti sinjal ta’ kif qed naraw ikun ta’ Qali, dan se jkun maqsum f’ħames żoni differenti fejn hawnhekk tista’ tiġi tagħmel litteralment weekend break għax se jkun qed japplika ħafna għall-gosti tal-familji Maltin u Għawdxin b’mod ġenerali.”
Il-Koordinatur tal-Proġett Jason Micallef