Illejla ġie inawgurat ir-restawr estensiv li sar fil-Palazz tal-Granmastru fil-Belt Valletta u mistenni li jerġa’ jibda jilqa’ lill-viżitaturi fil-ġranet li ġejjin.
Ix-xogħol ta’ restawr kien ilu għaddej għal madwar erba’ snin u sar b’investiment ta’ aktar minn €40 miljun, b’ko-finanzjament ta’ fondi Ewropej.
F’dan ir-restawr, l-Armerija reġgħet ħadet lura postha fis-sala fejn kien jiltaqa’ l-Parlament sa ftit tas-snin ilu, filwaqt li xogħlijiet oħrajn raw ir-restawr tal-kurituri tal-Piano Nobile u fl-Uccelliera, fejn qabel kien hemm l-Uffiċċju tal-Ispeaker.
Tlesta ċentru tal-viżitaturi fiż-żona magħrufa bħala Palazzo del Monte u l-Orangere, li kien l-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u l-post fejn fil-passat kien hemm ġnejna tal-larinġ.
Minbarra hekk, ġew irrestawrati wkoll il-btieħi tal-palazz, u kif ukoll is-swali statali.
F’diskors waqt iċ-ċerimonja tal-inawgurazzjoni, il-President ta’ Malta George Vella awgura li dak li qed niċċelebraw illum huwa kapitlu ieħor sabiex ikun il-bidu ta’ triq li matulha jiġġeddu l-għarfien u s-sostenibbilità tal-wirt kulturali Malti li dan il-Palazz huwa parti tant importani minnu.
Il-President Vella fakkar li mill-bidu tal-Presidenza tiegħu kellu jmexxi l-uffiċċju tiegħu, bl-impjegati kollha lejn il-Palazz ta’ Sant’Anton.
“Meta nħares lura ma jiddispjaċini xejn għas-sagrifiċċju li jien u l-istaff tiegħi kellna nagħmlu għaliex maż-żmien għaraft l-urġenza li kien hemm għar-restawr ta’ dan il-ġojjell li kellu ħsarat mhux żgħar. Kien pjaċir tiegħi li perjodikament li nżur ix-xogħlijiet, nitgħallem dwar l-aħħar skoperti, niddiskuti l-kwistjonijiet u l-isfidi li nqalgħu ma’ kull skoperta jew ma’ kull għarfien ġdid.”
Waqt li għamel referenza għaż-żjarat li ta’ spiss kien jagħmel fil-Palazz tal-Gran Mastru waqt ix-xogħlijiet tiegħu, il-President irringrazzja u sellem lil dawk kollha, mill-kbir saż-żgħir li taw sehemhom biex dan il-proġett kbir u kkumplikat seta’ jitwettaq.
Fid-diskors tiegħu, l-Prim Ministru Robert Abela stqarr kif il-Gvern qed jinvesti biex iħejji għall-futur filwaqt li ma jagħti qatt ġenb il-ħarsien ta’ dak li jagħmilna min aħna.
“Grati għal dak li għamlu dawk li ġew qabilna u dak illi wettqu dawk illi ġew qabilna aħna għandna d-dover sagrosant fuqna illi rridu nħarsuh, għaliex irridu preżent li jkun wieħed b’saħħtu għax irridu li l-ġenerazzjonijiet futuri ikunu kburin b’dak illi ksbina sal-lum iżda b’dak li jirnexxilhom jiksbu huma wkoll fuq kollox għaliex irridu nfasslu futur sabiħ għall-ġenerazzjonijiet kollha li jridu jiġu warajna. Grazzi mill-qalbi lil kull minn kien involut f’dan il-proġett daqstant sabiħ.”
Indirizza wkoll iċ-ċerimonja d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Fondi Ewropej, id-Djalogu Soċjali u l-Protezzjoni tal-Konsumatur, Chris Fearne li tkellem dwar lir-rwol tal-binja prestiġġjuza matul iż-żmien li laqgħet fiha l-Parlament Malti, fejn għaddew eluf ta’ liġijiet li fasslu l-mod ta’ kif ngħixu llum.
Minn naħa tiegħu, il-Ministru responsabbli mill-Wirt Kulturali, inkluż l-entità Heritage Malta, Owen Bonnici radd ħajr lill-ħaddiema kollha ta’ Heritage Malta li wettqu xogħol mill-aktar mirqum.
“Kemm jien kburi bil-ħaddiema kollha ta’ Heritage Malta u t-tekniċi kollha li ġew ingaġġati f’dan l-akbar proġett kulturali li qatt sar fl-istorja moderna ta’ pajjiżna.”
Iċ-Chairman ta’ Heritage Malta, Mario Cutajar, u l-Kap Eżekuttiv tal-istess entità, Noel Zammit, ukoll indirizzaw din iċ-ċerimonja.
Il-Palazz tal-Granmastru se jkun miftuħ kuljum bejn id-disgħa ta’ filgħodu u l-ħamsa ta’ waranofsinhar, filwaqt li l-pubbliku hu mħeġġeġ jikseb aktar tagħrif minn fuq is-sit ta’ Heritage Malta.