B’investiment privat ta’ ħames miljun ewro, sar restawr fuq il-binja magħrufa bħala d-diskoteka tar-Raffles fit-tmeninijiet biex illum bdiet toffri servizzi differenti għall-komunità. Minn childcare centre għal stabbiliment tal-ikel, gym u anke post fejn isiru laqgħat, din il-binja skedata fi Grad 1 rat investiment qawwi fuqha biex anke nżammu l-karatteristiċi oriġinali tagħha.
Il-proġett ta’ riġenerazzjoni ta’ Pjazza 1902 f’Pembroke ġie inawgurat mill-Prim Ministru Robert Abela, li saħaq li, f’kull riġenerazzjoni, il-kwalità u l-iżvilupp għandhom jirrispettaw il-karatteristiċi Maltin.
Fil-fatt, il-proġett, li qed jerġa’ jagħti l-ħajja lill-post,wara li kien abbandunat u sarulu ħsarat estensivi fil-passat, iħaddan il-prinċipji marbutin mal-ambjent u l-kwalità.
Marlon Brincat, id-Direttur tal-Grupp CE, li għamel dan l-investiment privat, innota kif, filwaqt li ġie rrestawrat bini b’valur storiku, inħolqu għexieren ta’ mpjiegi.
“Proġett għal qalbna ħafna, għax ħa jkun proġett għal kulħadd, jiġifieri l-familja għandha fejn tqatta’ l-ħin liberu tagħha. U bħala grupp ifisser investiment ta’ ħames miljun ewro. Ħa jkun qed iħaddem mal-mija u għoxrin ruħ, impjiegi ġodda, għalina dak hu sodisfazzjon kbir, u l-akbar ħaġa ta’ sodisfazzjon hi li salvajna binja li kienet qiegħda taqa’, kienet spiċċat maħruqa, jiġifieri litteralment salvajna binja storika f’dan il-pajjiż.”
Marlon Brincat – Direttur, CE Group
F’diskors tal-okkażjoni, il-Prim Ministru sostna li dan l-investiment hu xhieda tad-direzzjoni li qed jagħti l-Gvern favur żvilupp sostenibbli. Żied jgħid li l-iżvilupp ma jistax ikun fuq binarju għalih jew fuq in-naħa opposta tal-ambjent, iżda ż-żewġ aspetti jridu jiġu flimkien biex ikun hemm l-aqwa riżultati.
F’kumment ma’ ONE News, il-Prim Ministru nnota kif dan l-investiment privat hu att ukoll ta’ fiduċja fil-pajjiż u mudell ta’ investimenti sostenibbli.
“B’investimenti bħal dan, bil-ġbir tat-taxxi li qed ikollna, bl-investiment li jkompli jissaħħaħ fil-pajjiż, qed inkunu nistgħu nwettqu l-programm soċjali ambizzjuż li għandna. Fil-baġit li ġej, inkun nista’ mmur b’wiċċi minn quddiem, għand il-poplu u flok ngħidlu għandna introduzzjoni ta’ tant taxxi ġodda, kif kien jiġri fil-passat, ħa ngħidlu, ħa nagħmlu l-introduzzjoni ta’ tant benefiċċji soċjali ġodda. B’hekk inkun kuntent f’Ottubru ta’ kull sena, għax immur għand il-poplu u ninċentivah biex jibqa’ miexi ’l quddiem. Lin-negozji tagħna ninċentivahom biex jibqgħu mexjin ’il quddiem, imma dik trid tagħmilha b’investiment għaqli li jippriserva dak li hu ta’ kwalità f’pajjiżna u l-pajjiż jibqa’ miexi ’l quddiem.”
Robert Abela – Prim Ministru