Il-Ħamis filgħaxija ġie inawgurat il-proġett ta’ restawr tal-binja tal-Kunsill Lokali tar-Rabat, Dar ir-Rabtin.
Dan il-proġett ġie inawgurat mill-Prim Ministru Robert Abela, flimkien mal-Kunsill Lokali tar-Rabat.
Din il-binja se sservi wkoll il-bżonnijiet tal-komunità Rabtija.
Dar ir-Rabtin, li tinsab fiċ-ċentru tal-lokalità, sarilha xogħol ta’ restawr estensiv sabiex isservi għal diversi għanijiet, kemm dawk relatati ma’ ħidmet il-Kunsill u kif ukoll dawk soċjali u edukattivi.
Waqt l-inawgurazzjoni, il-Prim Ministru Robert Abela faħħar il-ħidma tal-Kunsill Lokali favur il-komunità Rabtija, fejn wettqu dan l-investiment biex ikomplu joffru l-aqwa servizz lir-residenti.
Dr Abela rreferra għall-Kunsilli Lokali bħala l-kollaboraturi ewlenin fil-proġetti li jrid jwettaq il-Gvern u fil-bidliet li rridu nagħmlu bħala pajjiż.
Huwa appellalhom biex ma jibżgħux ikunu l-aġenti għal bidla u biex ikollhom il-kuraġġ li għada jagħmluh aħjar mil-lum.
Is-Sindku tar-Rabat Sandro Craus semma x-xogħol importanti li qed jitwettaq fil-lokalità, minn proġetti u titjib infrastrutturali għal inizjattivi favur il-komunità.
Preżenti għal din l-attività kien hemm il-Ministru responsabbli mill-Gvern Lokali Owen Bonnici u s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli.