Il-Ħamis filgħaxija l-Prim Ministru ta’ Malta Joseph Muscat inawgura l-ftugħ ta’ lukanda ġdida ġewwa l-Maċina.
Lukanda bl-isem ta’ Cugo Gran Macina, li grazzi għaliha sar restawr estensiv sabiex l-bastjun ikoniku tal-Isla li jmur lura għas-seklu sittax issa qed jerġa jħaddan il-glorja li gawda minnu fil-passat.
F’serata ta’ inawgurazzjoni One News tkellem maċ-Ċermen tal-IBB Hotel Collection Sven von der Heyden li bħala kumpanija jispeċċjaliżżaw fi żvilupp ta’ propjetajiet tal-ogħla kwalità.
Huwa spjega kif din il-lukanda issa hi l-ewwel membru ta’ Design Hotels f’Malta u inkluda d-dettalji tal-faċilitajiet li din il-lukanda issa qed toffri.
Heyden żied jgħid ukoll li r-restawr ta’ dan is-sit kulturali Malti ser ikun ta’ benefiċċju għall-Belt tal-Isla.
Fid-diskors tiegħu il-Prim Ministru ta’ Malta Joseph Muscat faħħar lil dawk kollha nvoluti f’dan il-proġett estensiv.
Huwa tenna kif din il-lukanda issa wkoll ser tkun qed toffri sittin xogħol ġdid.
Qal ukoll li kumpaniji bħal IBB Hotel Collection qed jinġibdu lejn Malta grazzi għat-tkabbir ekonomiku li l-pajjiż qed igawdi minnu.
Huwa temm jgħid li l-Gvern ser jibqa’ jaħdem sabiex dan it-tkabbir jiġi sostnut.