Il-Prim Ministru, Robert Abela flimkien mall-Ministru għat-Turiżmu, Clayton Bartolo, inawguraw il-lukanda Mercure f’San Ġiljan, li saret b’investiment ta’ tlettax-il miljun ewro.
Din il-lukanda, li ilha tinbena għal dawn l-aħħar sentejn, hija parti mill-Grupp Accor Hotels, li hija l-ikbar kumpanija tal-ospitalità fl-Ewropa u għandha kważi ħamest elef lukanda madwar id-dinja.
Il-lukanda f’San Ġiljan tikkonsisti f’aktar minn mitt kamra u diversi faċilitajiet oħra.
Il-Prim Ministru sostna li investiment sostanzjali bħal dan huwa xhieda ta’ fiduċja f’pajjiżna, u rringrazzja lill-ħaddiema kollha li jaħdmu f’Mercure talli urew fiduċja fis-settur tal-ospitalità waqt dan iż-żmien ta’ sfida għas-settur turistiku.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo qal li l-ftuħ ta’ din il-lukanda jimxi mal-viżjoni tal-Gvern lejn turiżmu sostenibbli u diversifikat. Il-Ministru kompla jgħid kif minħabba dan il-proġett, hu mtela b’kuraġġ tant meħtieġ waqt dan iż-żmien ta’ sfidi.
Il-General Manager Kurt Micallef qal li l-kmamar fil-lukanda jvarjaw minn dawk standard għal superior suites b’numru sostanzjali ta’ kmamar igawdu minn veduti mill-isbaħ tal-Bajja ta’ Spinola.
Spjega kif bħalissa l-Grupp qed jimpjega total ta’ tmintax-il impjegat u t-tim maniġerjali qed jippjana li jżid dan in-numru ladarba pajjiżna jerġa’ jaqbad it-triq ta’ rkupru ekonomiku b’saħħtu.