Il-Prim Ministru Robert Abela inawgura lukanda ta’ tliet stilel fil-Mellieħa b’investiment ta’ tmien miljun ewro.
Il-lukanda bl-isem ta’ Viu 57 toffri veduta unika tal-bajja pittoreska tal-Għadira u għandha sebgħa u ħamsin kamra.
F’din l-inawgurazzjoni, il-Prim Ministru Robert Abela spjega kif il-Gvern se jkompli jinċentiva l-attività ekonomika, anke permezz b’inizjattivi bħal żieda fir-rifużjoni tat-taxxa u bħaċ-ċekk addizzjonali ta’ mitt ewro għal ħaddiema u studenti u ta’ mitejn għal pensjonanti u dawk fuq il-benefiċċju soċjali.
Dr Abela kellu wkoll opportunità jisma’ kif it-tmexxija tal-lukanda żammet il-ħaddiema kollha magħha waqt l-isfida tal-pandemija.
L-operatur tal-lukanda Mark Camilleri qal li minkejja l-effetti tal-imxija, l-investiment baqa’ reżiljenti u b’saħħtu.
L-operatur ta’ din il-lukanda qal kif l-affarijiet jidhru pożittivi fis-settur turistiku.
Qal, “Minkejja l-pandemija li ħolqot, bħal ma jaf kulħadd, problemi kbar speċjalment fis-settur tat-turiżmu, il-propjetarji baqgħu għaddejjin bl-investiment, anke minħabba l-fatt li jidhru li l-affarijiet minn Marzu ‘l quddiem in-numri qishom ġejjin u jekk ma jinqala’ xejn għandu jkollna staġun pożittiv fil-kuntest tal-pandemija ovvjament.”
Din il-lukanda hija mgħammra b’ristorant ġdid, b’infinity pool u b’servizzi oħra tal-ogħla livell.
Preżenti wkoll għal din l-inawgurazzjoni kien hemm ukoll il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo.