Il-Prim Ministru Robert Abela inawgura l-bini mill-ġdid tax-xatt ta’ Marsalforn f’Għawdex, li b’investiment ta’ tliet miljun ewro, issa jista’ jitgawda mill-familji mingħajr karozzi.
F’dan il-proġett, ix-xatt inqala’ mill-qiegħ u sarlu tisbiħ estensiv, fl-istess waqt li solva l-problema tal-ilma baħar meta kienet tagħmel ix-xita jew ikun riħ qawwi, bil-bini ta’ culverts ġodda.
Tbiddlu wkoll servizzi relatati mal-ilma u d-drenaġġ u sar il-pavimentar fit-toroq prinċipali kollha: ta’ Triq il-Port, Triq il-Forn, Triq San Ġużepp, Triq ir-Rabat u Misraħ Sir Michelangelo Refalo.
Jikkumplimenta x-xatt ta’ Marsalforn sar ukoll il-bini mill-ġdid tal-moll fil-Menqa li qed jagħti servizz aħjar lis-sajjieda.
Residenta Għawdxija li spiss tiffrekwenta din iż-żona, qalet li qatt f’ħajjitha ma rat proġett bħal dan.
Qal, “Jiena proġett bħal dan għadni qatt ma rajt għax jien niffrekwenta hawn kuljum, il-ġimgħa kollha, ix-xitwa kollha, is-sajf kollu. J’Alla l-poplu issa x’ħin jiġi hawn isfel jibża’ għall-ambjent u għal li għamlu għax proġett bħal dan qatt ma sar.”
Il-Prim Ministru Robert Abela qal li dan il-proġett jaħseb biex partijiet sostanzjali minn din iż-żona tingħata lin-nies.
F’dan il-kuntest, Dr Abela rrimarka li f’Għawdex jeħtieġ li jibqa’ jinħoloq ix-xogħol u tissaħħaħ l-ekonomija, biex isiru aktar proġetti ta’ dan it-tip.
Spjega, “Din hi parti mill-viżjoni tagħna bħala Gvern li rridu noħolqu spazji ġodda fejn il-familji jgawdu lil xulxin, fejn l-anzjani tagħna jistrieħu u t-tfal jiġru u jistgħu jilagħbu mingħajr inkwiet.”
Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar il-futur t’Għawdex u l-impenn tal-Gvern biex l-isfidi f’din il-gżira jdawwarhom f’opportunitajiet.
Qal, “Għawdex li jibqa’ jispikka għal dak li jista’ joffri biss Għawdex imma li ma jkunx żvantaġġjat ekonomikament. Għawdex li juri li l-ambjent u l-ekonomija jimxu id f’id.”
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri rringrazzja lill-ħaddiema kollha li għamlu realtà dan il-proġett li għal snin twal kien biss ħolma.
Irringrazzja wkoll lil-lukandiera, sidien ta’ ristoranti u lill-pubbliku li kkooperaw sakemm tlesta l-proġett.
Qal, “Hekk kif konna lestejna l-parti tal-Menqa lejn tmiem is-sajf li għadda, konna tajna l-kelma li tul ix-xitwa ser naħdmu bla heda sabiex jinbena mill-ġdid dan ix-xatt biex jitgawda dan is-sajf, is-sajf elfejn u wieħed u għoxrin.”