L-akbar proġett infrastrutturali tal-pajjiż infetaħ uffiċjalment mill-Prim Ministru Robert Abela, flimkien mal-Ministru għall-Infrastruttura u t-Trasport Ian Borg u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi.
F’ċerimonja sabiħa, il-Ħamis filgħaxija, is-seba’ flyovers ġew inawgurati fi sfond ta’ spettaklu ta’ dawl mill-isbaħ.
B’kollox dan l-investiment tant bżonjuż għall-aċċess għan-naħa t’isfel ta’ Malta, sewa €70 miljun u kien iffinanzjat minn fondi Ewropej.
Fil-fatt issa grazzi għal dan il-proġett aktar minn 100,000 vettura li ta’ kuljum jgħaddi mill-akkwati se jgawdu minn 12-il kilometru ta’ toroq mingħajr ebda interruzzjonijiet.
Dan hekk kif il-bini tal-flyovers awtomatikament elimina t-traffic lights kollha li tant kienu jikkawżaw konġestjoni ta’ traffiku.
Taħt it-toroq Infrastruttura Malta għaddiet aktar minn 15-il kilometru ta’ servizzi ta’ elettriku, ilma, drenaġġ, internet u telekomunikazzjoni.
Dan filwaqt li ġie assigurat li jitħawlu numru sostanzjali ta’ siġar u arbuxelli madwar il-proġett kollu.
Fil-fatt, b’kollox Infrastruttura Malta ħawlet 18,000 siġra u arbuxell.
Apparti minn hekk, din ir-rotta tinkludi tliet kilometri u nofs ta’ passaġġ għaċ-ċiklisti u passaġġi għall-mixi.
Dan flimkien ma’ żewġ pontijiet, 380 spazju ta’ parkeġġ fejn il-park and ride, 250 bozza, 16-il kolonna tal-konkos u erba’ strutturi artisitiċi li komplew isebbħu l-proġett massiċċ.
Bil-flyovers fl-isfond, il-Prim Ministru Robert sostna li din l-inawgurazzjoni tfisser ambizzjoni, għaqal u perseveranza.
Fil-fatt, Dr Abela sostna kif dan l-akbar proġett ta’ pajjiżna juri kemm Malta evolviet.
Il-Prim Ministru spjega wkoll kif dan seta’ jsir grazzi għat-tkabbir ekonomiku li b’għaqal dan il-Gvern irnexxielu jwassal lejn pajjiżna tul l-aħħar snin.
Il-Prim Ministru spjega wkoll l-importanza tal-fondi Ewropej sabiex jiġu sostnuti dawn it-tip ta’ proġetti.
Hawnhekk Dr Abela fakkar ukoll fl-akbar allokazzjoni ta’ fondi Ewropej għas-seba’ snin li ġejjin, li ġab dan il-Gvern ftit tax-xhur ilu.
Min-naħa tiegħu l-Ministru Ian Borg sostna li dan il-proġett sar fiż-żmien stipulat minkejja l-mistoqsijiet u l-isfidi li feġġew tul l-aħħar xhur.
Sostna li dan il-proġett se jkun wieħed li jgawdi minnu kulħadd speċjalment dawk li jrid jaqsmu għan-Nofsinhar tal-pajjiż.
Il-Ministru Borg irringrazzja wkoll lill-ħaddiema kollha li ħadmu f’dan il-proġett.
Huwa rrimarka wkoll li x-xogħol sar anke b’sigurtà kbira tant li ma kien hemm l-ebda fatalità fuq il-post mindu beda x-xogħol.
Intant is-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi sostna l-importanza tal-fondi Ewropej għal proġetti li jridu jsiru f’pajjiżna.
Tenna l-akbar allokazzjoni ta’ żewġ biljun u mitejn u sebgħin miljun ewro li kiseb pajjiżna fl-aħħar negozjati għall-Budget Ewropew għas-seba’ snin li ġejjin huma wkoll importanti biex isiru aktar proġetti ta’ fejda.
Ara wkoll:
https://www.one.com.mt/2021/04/15/bir-ritratti-l-inawgurazzjoni-tal-progett-tal-marsa-junction/