Il-Prim Ministru Robert Abela inawgura proġett ta’ restawr fl-Iskola tal-Arti fil-Belt, li tifforma parti mill-Kulleġġ Mikiel Anton Vassallo.
Kull sena, din l-iskola tara mal-ħames mitt artist u artista jsegwu korsijiet f’ambjent li jimmotiva s-sens kreattiv u t-tnissil ta’ ideat innovattivi.
Dan il-proġett sar b’investiment ta’ ħames miljun ewro mill-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada, u l-Prim Ministru qal li jgħaqqad flimkien il-patrimonju kulturali mal-futur fis-settur tal-arti.
Dan għaliex dan l-investiment se jindokra t-talent tal-mijiet ta’ persuni li jagħżlu din l-iskola biex jiżviluppaw il-ħiliet artistiċi tagħhom.
Il-Prim Ministru qal li l-iskop ta’ dan l-investiment huwa li jixpruna l-kreattività fost dawk li jattendu f’din l-iskola biex jikkontribwixxu L-iżvilupp tal-identità tagħna bħala Maltin.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni, Justyne Caruana, qalet li l-investiment tal-Gvern fil-qasam edukattiv huwa mifrux fuq livelli u setturi differenti, li huma investiment dirett fil-ġenerazzjonijiet futuri.
Hija semmiet diversi investimenti u boroż ta’ studju li qed jingħataw f’impenn ċar li l-arti u l-espressjoni artistika tingħata l-importanza li jistħoqqilha.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada, Neville Young, qal li dan il-proġett huwa ħolqa minn katina ta’ proġetti oħra li bihom qed tiġi mmodernizzata l-infrastruttura edukattiva ta’ pajjiżna.