Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Joseph Muscat, inawgura uffiċjalment l-OB Unit 4K ġdid tal-istazzjonijiet ONE waqt open day fl-istazzjon li qed tiġi organizzata biex tfakkar il-ħamsa u għoxrin sena tal-istazzjon. L-OB Unit li inawgura l-Prim Ministru huwa l-aħħar investiment li għamlet it-tmexxija tal-istazzjon, bil-għan li ONE dejjem iwassal l-aħjar prodott lis-segwaċi. F’diskors għall-okkażjoni, il-Prim Ministru Muscat qal li kull ħaddiem ta’ dawn l-istazzjonijiet jaħdem hawnhekk għaliex ġenwinament iħobb dan is-settur.
Iċ-Chairman ta’ ONE, Jason Micallef, ippreżenta sett bolol lill-Prim Ministru bħala tifkira. F’dan is-sett, tidher fost oħrajn l-ewwel kamra tal-aħbarijiet ta’ ONE, li l-Prim Ministru kien parti minnha. F’kummenti ma’ ONE News, Micallef qal li l-investiment kien wieħed kruċjali biex l-istazzjon jibqa’ jħares ‘il quddiem.
Dan huwa l-ewwel OB Unit tax-xorta tiegħu f’Malta, 4K, li se jkun qed jiggarantixi fost l-aqwa, jekk mhuxl-aqwa xandir fil-pajjiż għall-ħames jew għaxar snin li ġejjin. Aħna nemmnu li nassiguraw futur aqwa lil ONE Television.
Fid-dawl li l-Open Day saret ftit ġimgħat biss qabel mal-istazzjonijiet ONE jibdew vjaġġ bieżel għall-elezzjonijiet f’Mejju li ġej, is-Sur Micallef qal li ONE jinsab ippreparat għal dan l-appuntament importanti tal-Partit Laburista.
Jinsab ippreparat ukoll bil-kbir għall-Elezzjonijiet Ġenerali tas-snin li ġejjin. Apparti hekk ONE jibqa’ joħlom li jibqa’ jkollu l-aqwa skedi għall-familji Maltin u Għawdxin kollha.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista, Randolph Debattista, qal li s-segwaċi ta’ ONE dejjem baqgħu jappoġġjaw l-istazzjon b’mod sħiħ u wrew leatà dejjem. Fl-istess ħin, l-OB Unit li kien inawgurat waqt dan il-jum, u li se jxandar id-diskors tal-Prim Ministru waqt il-Konferenza Ġenerali Annwali tal-Partit Laburista, huwa investiment ieħor biex waqt l-elezzjonijiet ta’ Mejju li ġej, l-istazzjon ikompli jxandar il-messaġġ tal-Partit Laburista bl-aħjar mod.
Mal-ħdax ta’ filgħodu, il-bibien tal-kumpless ONE infetħu għall-pubbliku biex kulħadd jingħaqad mal-istazzjon u jsegwi jum tipiku ta’ ħidma. Huma kellhom iċ-ċans ukoll li jakkwistaw kopja ta’ dokumentarju dwar il-ħamsa u għoxrin sena ta’ ONE.
Kellu jkun jum mimli nostalġija u persuni jiltaqgħu ma’ dawk li normalment iżommulhom kumpanija minn djarhom permezz tat-televiżjoni jew tar-radju.
Tkellimna ma’ xi wħud dwar xi jfisser għalihom li kellhom iċ-ċans iqattgħu jum mal-familja ONE.
Irrid noħroġ biex ma narax il-ONE jiena. Dejjem smajtu.
Dak li qed nara fuq it-television issa qed narah reali u titkellem man-nies li jaħdmu hawn u ma tkunx taf kemm fih xogħol il-programm.
Għidtlu ejja mmorru naraw il-postijiet u nitkellmu man-nies.
Għalfejn ħassejtu li kellkom tiġu għall-Open Day illum? Il-qalb ġabitna hawn. Biex naraw ix-xogħol kollox organizzat. Jintefqu tajjeb il-flus.
Naħseb id-Dipartiment tan-News fejn issir riċerka kien veru nteressanti għax aħna minn hemm qed nieħdu l-informazzjoni mhux biss fuq it-televiżjoni imma anke fuq il-mobile.
Sabiħ kullimkien, rajt l-uffiċċji, rajt l-istudios, kullimkien sabiħ.
Waqt l-Open Day fil-kumpless ONE, kienet inawgurata wkoll biċċa arti li tfakkar il-ħamsa u għoxrin sena xandir, magħmulha mill-artist George Muscat.
Ritratti: Gareth Degiorgio