Il-Prim Ministru Robert Abela inawgura l-ewwel spazju internazzjonali tal-arti kontemporanja f’pajjiżna, il-MICAS, fil-qalba tal-fortifikazzjoni fil-Furjana fiż-żona magħrufa bħala L’Ospizio.
Dan il-proġett sar b’investiment ta’ €30 miljun, b’ko-finanzjament minn fondi Ewropej.
F’diskors tal-okkażjoni, il-Prim Ministru Robert Abela sostna li jemmen li dan il-proġett juri l-qabża li qed jagħmel ’il quddiem pajjiżna.
Intqal li Malta għandha tkun id-dar tal-artisti, waqt li tkun ċentru fir-reġjun tal-Mediterran f’ dan is-settur.
Sostna kif dan il-proġett se jsaħħaħ it-turiżmu kulturali, biex b’hekk iġib aktar investiment ta’ kwalità.
Il-Kap Eżekuttiv tal-MICAS Phylis Muscat sostniet li dan il-proġett ilu mixtieq mill-artisti mill-ħamsinijiet. Sostniet li dan il-post storiku nbiddel f’ħames gallariji mifruxa fuq erba’ sulari.
Intqal kif dan l-ispazju l-ġdid se jinfetaħ għall-pubbliku minn nhar il-Ħadd li ġej, fejn se jkun hemm wirja ta’ artista Portuġiża, Joanna Vasconcelos.
Preżenti għal din l-inawgurazzjoni kien hemm il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali u l-Arti Owen Bonnici, li qal li dan se jagħti aktar dinjità lill-arti f’pajjiżna.
Sostna li dan huwa t-tieni proġett massiċċ għall-arti u l-kultura f’din il-leġiżlatura, wara dak tar-restawr tal-Palazz tal-Granmastru.