B’mod uffiċjali ġie inawgurat il-kampus tal-Queen Mary University of London, magħrufa aħjar bħala l-iskola medika ta’ Barts ħdejn l-isptar Ġenerali ta’ Għawdex b’investiment ta’ €35 miljun.
Ix-xogħol ta’ kostruzzjoni fuq is-sit li se joffri edukazzjoni ta’ klassi dinjija fil-qasam tas-saħħa tlesta fi 17-il xahar biss.
Mifrux fuq 4 sulari fi spazju ta’ 8,000 metru kwadru, il-kampus se joffri spazju għal massimu ta’ 800 student u se jikkumplimenta iċ-ċentru tal-anatomija li nfetaħ fis-snin li għaddew bħala parti mill-investiment ta’ Steward HealthCare f’pajjiżna.
F’diskors waqt il-ftuħ tal-iskola medika, il-Prim Ministru Joseph Muscat fisser kif din l-iskola hija xhieda tal-impenn bejn il-Gvern, Queen Mary University u Steward Healthcare.
Qal li din l-istituzzjoni fil-gżira Għawdxija tista’ titqies bħala mhux biss l-aqwa waħda fil-gżejjer Maltin iżda fil-Mediterran. Spjega wkoll li l-gvern għażel li jmur kontra l-loġika li tgħid li l-aħjar u l-aqwa investimenti jsiru f’Malta l-ewwel imbagħad f’Għawdex. Saħaq li f’dan il-każ l-aqwa investiment waħdieni ta’ kull żmien fl-edukazzjoni medika qed isir propju f’Għawdex.
“Qegħdin f’sitwazzjoni issa fejn filwaqt li Għawdex is-soltu kien jiġri tiġrija biex ilaħħaq ma’ Malta, f’dan il-każ aħna bħala Malta rridu nlaħħqu ma’ Għawdex bil-faċilitajiet li hawn. Għalhekk tidħol ir-responsabilita tagħna bħala Gvern”, sostna l-Prim Ministru Joseph Muscat.
Joseph Muscat qal li jittama li permezz ta’ din l-iskola medika l-istudenti anke wara li jiggradwaw iħarsu lejn il-gżira Għawdxija mhux biss bħala l-post fejn ħadu edukazzjoni tal-ogħla livell iżda bħala dar li għada pitgħada jkunu jridu jirritornaw fiha.
Semma wkoll li l-pass li jmiss huwa li l-istudenti f’Malta wkoll igawdu minn proġett tal-ogħla livell simili għal Għawdex. F’dan il-kuntest semma l-pjan imħabbar mill-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne li tinbena skola medika ġdida għall-Università ta’ Malta.
Dr Muscat tenna li “Għawdex għandhom xi ħaġa aħjar minn Malta u mill-postijiet fil-Mediterran u issa Malta jrid ikollha post tajjeb daqs hawnhekk.”
Id-dekan tal-Edukazzjoni fl-iskola ta’ Barts, il-Professur Anthony Warrens qal li proġett bħal dan kellu bżonn il-kontribuzzjoni ta’ ħafna nies. Huwa rringrazzjahom f’isem l-istudenti kif ukoll f’isem il-pazjenti li fil-futur mhux imbiegħed se jibbenefikaw mill-kura li se tingħatalhom professjonisti li jkunu studjaw f’din l-istituzzjoni.
Minn-naħa tiegħu il-Kap Eżekuttiv ta’ Steward Healthcare Ralph de la Torre spjega li din l-iskola hija biss parti oħra minn ħolqa f’viżjoni li Steward għandha flimkien mal-Gvern Malti biex tagħmel minn Għawdex l-aqwa post fil-Mediterran għall-kura medika.
La Torre qal: “We’re not yet content, until we have completed the whole picture of making Gozo the number 1 destination for healthcare in this part of the world, we will not rest.”