B’investiment ta’ €9 miljun infetaħ uffiċjalment il-Gozo Innovation Hub fiż-Żona Industrijali tax-Xewkija.
Mifrux fuq medda ta’ 9,000 metru kwadru fuq is-sit li darba kien tal-Malta Dairy Products, l-Innovation Hub se tipprovdi spazji għal kumpanji u negozji fil-qasam diġitali u li jaħdmu fis-setturi tal-intelliġenza artifiċjali, cybersecurity, blockchain u l-internet of things.
L-Innovation Hub se jkun qed joħloq madwar 120 impjieg ġdid f’Għawdex.
Il-binja ġiet inawgurata mill-Prim Ministru Joseph Muscat, li saħaq kif is-sabiħ tal-Hub huwa li l-innovazzjoni u l-avvanz ekonomiku ta’ valur miżjud għoli, qed isir f’Għawdex.
Il-Prim Ministru stqarr: “Qed nassoċjaw lil Għawdex, li dejjem kienet meqjusa bħala l-parti mill-gżejjer tagħna għal xogħol back office, mal-innovazzjoni. Ma’ attivitajiet ekonomiċi li huma high value added – impjiegi li jħallsu tajjeb u li jtejbu l-livell ta’ għajxien kemm ta’ min jaħdem f’Għawdex, u anke ta’ min jgħix f’Għawdex.”
Dr Muscat semma kif dan l-investiment b’mod partikolari se jolqot liż-żgħażagħ Għawdxin. B’hekk qed titwettaq ix-xewqa li żgħażagħ Għawdxin isibu xogħol f’Għawdex kif ukoll tkompli titwettaq il-wegħda fil-manifest elettorali tal-2013 għal xogħol f’Għawdex għall-Għawdxin.
L-innovation Hub f’Għawdex immedjatament se jkun qed jilqa’ żewġ kumpaniji prestiġġjużi. L-ewwel kumpanija hija Noovle Group, kumpanija multinazzjonali u Ewropea li se tħaddem ħaddiema ċċertifikati minn Google.
Il-kumpanija l-oħra hija dik Għawdxija J2 Group, li ngħaqdet ma’ Microsoft biex jaħdmu f’dimensjonijiet tal-intelliġenza artifiċjali fejn fost oħrajn se jagħtu kontribut lil oqsma bħas-saħħa, it-turiżmu u t-trasport.
Il-Ministru għall-Ekonomija Chris Cardona nnota kif l-investiment f’din il-binja hija xhieda ta’ Gvern li qed jiffoka fuq il-ġejjieni. Huwa spjega li “B’investiment bħal dan ġenerazzjonijiet futuri ser jibqgħu jkollhom favur taghhom l-opportunitajiet li jikkreaw f’industriji ta’ dan it-tip. whiteflash. biex inti tibqa kompettitiv irid ikollok mhux biss investiment imma tattira lejn il-pajjiż tiegħek investituri li jaħdmu f’dawn is-setturi.”
Min-naħa tagħha, il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana laqgħet b’sodisfazzjon dan l-investiment sostanzjali fil-gżira Għawdxija.
Il-Ministru Caruna stqarret: “Hija opportunità għal investiment barrani. Diġà għandna żewġ inkwilini u qed naspiraw li jkollna iktar ħa nkmomplu nkattru t-tkabbir ekonomiku u nsostnuh.”