Waqt l-inawgurazzjoni tal-ewwel koperattiva tat-tonn bejn Malta u ċ-Ċina, il-Prim Ministru Robert Abela nnota s-sens ta’ innovazzjoni fis-settur tal-akwakultura biex in-negozju Malti jimraħ fi swieq kbar, fosthom fiċ-Ċina.
L-ewwel konsenja ta’ tonn mkabbar f’Malta għaċ-Ċina ġiet mgħoddija f’Settembru ta’ din is-sena wara ħidma kbira sabiex jiġi assigurat li l-prodott Malti jkun konformi ma’ standards Ewropej u internazzjonali flimkien ma’ regoli ambjentali stabbiliti.
Hawnhekk Dr Abela nnota wkoll kif tnieda wkoll proċess simili ta’ esportazzjoni b’rabta ma’ prodotti oħra relatati mal-ħut.
Fil-fatt dan jorbot perfettament mal-impenn tal-Gvern li jippromwovi ekonomija ċirkolari u jnaqqas kemm jista’, il-ħela tal-ikel. Dr Abela aċċenna dwar l-importanza ta’ operat sostenibbli li l-Gvern jappoġġja bi sħiħ.
Il-Prim Ministru Robert Abela awgura li din is-sħubija bejn pajjiżna u ċ-Ċina, irrapreżentata minn Malta Fish Farming u l-grupp Shandong Marine tkun ta’ suċċess.
Il-Prim Ministru temm jgħid kif din is-sħubija hi eżempju ta’ kif bl-innovazzjoni nistgħu nkabbru l-kummerċ u l-koperazzjoni bejn pajjiżi differenti.