Il-Prim Ministru Joseph Muscat inawgura l-Università Amerikana ta’ Malta f’Bormla b’investiment inizjali ta’ €25 miljun. Dan huwa l-ikbar investiment privat fl-edukazzjoni u minnu se tibbenefika mhux biss il-ġenerazzjoni preżenti iżda anke dawk futuri.
Fid-diskors tiegħu, il-Prim Ministru qal li l-Gvern kien kkommetta ruħu li jdaħħal pluraliżmu fl-edukazzjoni terzjarja billi jkun hawn it-tieni Università.
Il-proċess għall-AUM kien wieħed twil u bi skrutinju rigoruż mill-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Ogħla. L-analiżi finanzjarja u akademika kellha konklużjoni waħda, dik li l-AUM għandha l-kredenzjali kollha sabiex tiġi akkreditata bħala università f’Malta u fl-Ewropa.
Dr Muscat qal li dan il-proċess fuq l-AUM ma kienx wieħed ta’ darba. Saħaq li l-Kummissjoni għadha minn żmien għal żmien tagħmel skrutinju fuqha.
Il-Prim Ministru qal li kienu ħafna li ddieħqu meta l-università kellha 15-il student. Iżda r-realtà hi li unversità ġdida tibda mill-bidu meta tistabilixxi ruħha f’pajjiż ġdid. Madanakollu, f’dan ir-rigward diġa hemm riżultati hekk kif illum hemm ħames darbiet iżjed studenti minn dakinhar.
Il-Prim Ministru fakkar li l-ikbar kundizzjoni lill-AUM hija li dan il-proġett ikun konkluż fl-intir tiegħu sal-2025 u li jkollha mal-4,000 student sal-2029. Preżentament hemm studenti minn 25 pajjiż differenti u li hemm mijiet ta’ applikazzjonijiet għas-simestri li ġejjin, qal il-Prim Ministru.
B’referenza għal dawk li qalu li din l-Università m’għandha xejn Amerikan għajr l-isem, il-PM rrimarka li l-kurrikulu u l-istandards offruti huma Amerikani.
Il-Prim Ministru saħaq li l-AUM tinsab iffukata li tiżviluppa iktar partijiet fil-kampus f’Bormla u li meta dan jsir u jkun hemm bżonn iżjed spazju, jibda jiġi kkunsidrat is-sit f’Wied Il-Għajn, dejjem skont il-proċeduri stabbiliti.
In-Nofsinhar ta’ pajjiż jixraqlu proġetti bħal dawn, sostna il-Prim Ministru. Qal li fil-passat in-Nofsinhar ta’ Malta dejjem affaċja proġetti industrijali bħal power stations kif ukoll impjanti tat-trattament tal-iskart, li kellhom impatt negattiv fuq il-komunità.
L-AUM hija waħda minn diversi proġetti sabiex jagħtu spinta lil dan ir-reġjun tal-pajjiż u li jipprovdu opportunitajiet soċjali u ta’ rikreazzjoni lin-nies ta’ din il-parti tal-pajjiż, qal Dr Muscat.
Elenka wkoll il-passi li dan il-gvern għamel biex jattira istituzzjonijiet edukattivi, bħal l-London School of Commerce li stabilixxiet ruħha fl-2014, l-iskola Medika ta’ Barts f’Għawdex u kif ukoll l-iskola internazzjonali fl-Imtarfa li se tiftaħ il-bibien tagħha s-sena d-dieħla.
Fl-AUM qed jiġu offruti diversi korsijiet fosthom fl-oqsma tal-Accounts u Finanzi, Żvilupp tal-Logħob Diġitali, Graphic Design u Business Administration, fost l-oħrajn.
Preżenti wkoll għall-inawgurazzjoni kien hemm il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo.