Il-Prim Ministru Robert Abela inawgura l-investiment ta’ miljun ewro li għamlet il-kumpanija Oxford House f’immodernizzar li se jtejjeb l-operat ta’ kuljum tal-kumpanija, u jsaħħaħ in-negozju billi jiġi assigurat li l-klijent jirċievi l-aqwa prodott possibbli.
Il-kumpanija għażlet ukoll li tinvesti fl-identità tagħha u f’sit elettroniku aktar modern biex jintlaħqu l-għanijiet kollha tal-kumpanija. Il-Prim Ministru Abela nota li din il-kumpanija baqgħet tevolvi u turi r-reżiljenza tagħha fi żminijiet ta’ sfida, billi kompliet tinvesti u tiżgura kontinwità fl-estensjoni tas-servizzi.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Oxford House Marco Galea spjega li l-klijenti huma fil-qalba ta’ dak kollu li tagħmel il-kumpanija, u saħaq li din l-identità l-ġdida tirrifletti d-dedikazzjoni u l-impenn tagħna.
Il-kumpanija wriet l-apprezzament tagħha wkoll lejn l-għajnuna li offra l-Gvern biex ikompli jsostni n-negozji f’dawn iż-żminijiet u tenniet l-impenn tagħha biex, flimkien mat-tim ta’ 70 impjegat, tkompli tikkontribwixxi lejn l-ekonomija lokali permezz tal-bejgħ ta’ kwalità li toffri lill-klijenti diversi.