Il-Prim Ministru Robert Abela inawgura proġett ta’ investiment li sar fil-kumpless ta’ Bay Street, f’Paceville.
Dan huwa investiment ta’ €14-il miljun li sar waqt pandemija.
Il-Prim Ministru, li flimkien miegħu kien hemm il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo, faħħar il-bżulija u l-għaqal tal-imprenditur Malti li wera reżiljenza liema bħalha waqt pandemija li ġabet sfidi bla preċedent.
Il-Prim Ministru Robert Abela ra l-proġett ta’ mmodernizzar li sar matul dawn l-aħħar 15-il xahar u li se joffri 28 stabbiliment tan-negozju ġdid.
Il-Prim Ministru rrimarka li meta l-ġimgħa l-oħra ppreżenta l-istrateġija ekonomika għall-għaxar snin li ġejjin kien spjega kif wara snin fejn ħdimna biex nilħqu l-medja, issa rridu mmorru għall-eċċellenza.
Il-Prim Ministru Robert Abela qal li jinsab imħeġġeġ mill-kuraġġ li qed jagħti s-settur privat u li ma jaqta’ qalbu qatt.
Il-Prim Ministru nnota kif permezz tal-Covid Wage Supplement, pakketti finanzjarji li jolqtu s-settur turistiku u l-iskema tal-vouchers, servew bħala spalla għan-negozji biex qatt ma tħallew waħedhom.
Qal li forsi kien hemm min beża’ li f’kumpless bħal Bay Street se nkunu qed nitkellmu fuq kemm ħwienet se jniżżlu x-shutter darba għal dejjem iżda f’dan il-każ min niżżel ix-shutter għamel dan għal ftit ġimgħat biex jinvesti u minflok illum qegħdin hawn ninawguraw investiment ġdid.
Il-Ministru Clayton Bartolo tkellem dwar kif dan l-investiment huwa prova ċara ta’ kemm minkejja ż-żminijiet ta’ sfida li għaddejjin minnhom, is-settur tal-ospitalità baqa’ reżiljenti u kompla jinvesti biex il-prodott turistiku dejjem ikun aħjar.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżeuttiv tal-Grupp Bay Street, Albert Galea, qal li dan l-investiment ta’ mmodernizzar sar konġunt bejn l-istabbilimenti u kif ukoll mill-grupp innifsu.
Qal li permezz ta’ dan l-investiment, Bay Street qed isir destinazzjoni għal familja kollha, b’ditti u ristoranti ġodda flimkien ma’ parkeġġ ġdid li jesa’ 230 vettura.
Saħaq li l-Grupp jinsab fiduċjuż li kemm bil-konsum lokali, kif ukoll bit-turisti li qegħdin jiżdiedu ta’ kuljum, għandu jkollna sajf tajjeb li jservi bħala bażi b’saħħitha għar-ritorn lejn in-normalità.