Il-Prim Ministru, Robert Abela inawgura investiment ta’ €6 miljun ewro f’forma ta’ ċentru ta’ negozju fil-Mosta, miftuħ mill-Grupp AX.
Il-Prim Ministru saħaq li investimenti bħal dawn juru reżiljenza straordinarja min-naħa tas-settur privat, li minkejja pandemija globali, irnexxielu jibqa’ l-mutur ewlieni li jmexxi l-ekonomija Maltija. Saħaq ukoll kif dan is-settur issaħħaħ bl-għajnuniet li ta l-Gvern anki bil-Pjan ta’ Riġenerazzjoni Ekonomika.
Waqt l-inawgurazzjoni, il-Prim Ministru nnota wkoll il-bidla fil-mentalità li waslet sabiex dan iċ-ċentru jiġi mibni b’mod li jħares l-ambjent u b’sodisfazzjon faħħar lis-settur privat għall-inizzjattivi li qiegħed jieħu favur l-ambjent. Qal li din l-attitudni se tkun t’għajnuna sabiex pajjiżna jilħaq il-miri tal-Gvern sabiex Malta tkun ħielsa mill-karbonju sal-elfejn u ħamsin.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Ekonomija, Silvio Schembri qal li dan is-sentiment ta’ tkabbir huwa evidenti fis-settur privat kollu, minkejja ċ-ċirkustanzi straordinarji li ninsabu fihom. Dan għaliex jistgħu iserħu rashom li l-Gvern dejjem se jkun warajhom biex jilqa’ d-daqqiet ekonomiċi li jistgħu jaffaċjaw.
Intant, il-Ministru għall-Intrapriża, Miriam Dalli qalet li dan l-investiment huwa turija ċara li l-investituri għandhom fiduċja fil-Gvern. Sostniet ukoll li imprendituri lokali għandhom il-potenzjal sabiex jintegraw ruħhom mal-kunċett ta’ sostenibbiltà, li tant hija bżonjuża illum iktar minn qatt qabel.
Il-fundatur tal-Grupp AX, Angelo Xuereb qal li dan l-avveniment għandu jimla’ l-kulħadd b’kuraġġ għaż-żmien li ġej. Qal ukoll li dan l-investiment jimlih b’sens ta’ nostalġija, għaliex qiegħed jara quddiem għajnejh storja ta’ ħamsa u erbgħin sena ta’ suċċessi tal-Grupp AX, tilħaq livell ġdid.