Il-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà, Byron Camilleri, inawguraw investiment ta’ kważi nofs miljun ewro fis-Sezzjoni Marittima tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, li se jikkontribwixxi għal Malta aktar sigura.
Il-binja f’Kordin issa hi tal-ogħla livell, tant li mhux biss issaħħet biex twieġeb għal salvataġġ fuq il-baħar, iżda se tkun tista’ toffri wkoll appoġġ f’sejħiet fuq l-art.
Il-binja ġiet rinnovata kompletament, biex issa qed toffri l-aqwa ambjent fejn il-ħaddiema jippreparaw biex jagħtu l-aħjar servizz, fosthom b’sistema ta’ telekomunikazzjoni ġdida.
Il-proġett ra wkoll il-ħolqien ta’ tliet garaxxijiet li jakkomodaw l-inġenji tat-taqsima HAZMAT, li twieġeb għal emerġenzi marbutin ma’ materjal kimiku perikoluż.
Fil-binja l-ġdida hemm ukoll dry room u wet room, li huma kritiċi f’operazzjonijiet ta’ salvataġġ.
Cadrick Tabone, Leading Assistance Rescue Officer mas-Sezzjoni Marittima tal-Protezzjoni Ċivili, innota kif dan l-investiment se jiffaċilita l-ħidma tal-uffiċjali.
“B’dan l-investiment ħa nkunu aktar effiċjenti. Dil-binja ġiet eżatt mal-baħar ħdejn il-bċejjeċ tagħna, kif ikollna call ta’ emerġenza nitilqu żgur mill-ewwel bl-affarijiet kollha magħna, in-nies mhux bħalma konna qabel trid toħroġ u toqgħod tbiddel ħdejn id-dgħajsa, issa hawnhekk ġiet mill-binja, tidħol il-call, tbiddel hawn, tkun ippreparat, ilbist u tlaqt. Issa dan l-investiment ħa jiffaċilita ħafna x-xogħol, naħseb li morna ħafna għall-aħjar.”
Il-Prim Ministru Robert Abela rrimarka kif il-Gvern qed jinvesti mat-tletin miljun ewro fis-sena fis-sigurtà ta’ pajjiżna, biex jissokta l-investiment fis-settur u fin-nies li jaħdmu fih – b’kundizzjonijiet u faċilitajiet mill-aqwa.
“Meta nara din il-kburija li biha jilbsu l-uniformi, verament inħossni kburi li mexjin fid-direzzjoni t-tajba, inkomplu ninvestu fis-sigurtà ta’ dan il-pajjiż. Imbagħad tara l-kredibbiltà li tgawdi s-CPD. Tara jinfetaħ reklutaġġ u jkollok daqstant persuni li japplikaw biex jissieħbu fis-CPD. Tmur barra ’l pajjiż u tara kemm is-CPD tgawdi kredibbiltà fuq livell internazzjonali.”
Il-Ministru Camilleri sostna kif lil hinn mill-investimenti kapitali li qed isiru b’mod kontinwu, il-Gvern qed jinvesti wkoll direttament fil-ħaddiema, billi jtejjeb il-kundizzjonijiet u d-drittijiet tagħhom.
“B’dan il-mod verament qed nuru li l-investiment tagħna fis-sigurtà ta’ pajjiżna qed isir u qed nagħmluh biex nagħtu serħan il-moħħ lin-nies li jafu li hemm ħaddiema ppreparati, li jafu li hemm ħaddiema mħarrġin, li għandhom l-għodda possibbli biex fil-mument tal-prova jew bżonn, inkunu nistgħu kemm insalvaw u kemm nipproteġu.”
Preżenti għall-inawgurazzjoni kien hemm id-Direttur Ġenerali tal-Protezzjoni Ċivili, Peter Paul Coleiro, flimkien ma’ ħaddiema u uffiċjali tad-Dipartiment, inkluż l-għexieren ta’ rekluti li bħalissa għaddejjin bir-reklutaġġ.