Il-Prim Ministru Robert Abela inawgura sensiela ta’ proġetti infrastrutturali li saru mill-kumpanija Marina Di Valletta b’investiment ta’ miljun ewro.
Dawn issarrfu f’uffiċini ġodda, faċilitajiet mill-aqwa għall-klijenti tal-kumpanija u ristorant ġdid.
Dan l-investiment jikkumplimenta dak ta’ aktar minn sitt miljun ewro oħra li diġà sar fil-Marina tul dawn l-aħħar snin.
Il-Prim Ministru qal li Malta tpoġġiet fuq il-mappa tad-dinja bħala l-aktar pajjiż prominenti fl-Ewropa u s-sitt l-akbar fid-dinja, fejn jidħol is-settur marittimu.
Dr Abela sostna li dan huwa riżultat tas-servizz eċċellenti li joffri pajjiżna f’dan is-settur; frott l-ambjent professjonali li dejjem ħolqu l-awtoritajiet regolatorji biex jilqgħu għal investimenti bħal dawn.
Il-Prim Ministru semma kif pajjiżna rreġistra żieda ta’ ħamsa u sittin fil-mija fir-reġistrazzjonijiet tas-superyachts f’dawn l-aħħar erba’ snin.
Dr Abela tenna l-impenn tal-Gvern li jibqa’ jinvesti fis-settur marittimu biex jinħolqu impjiegi tal-aqwa kwalità.
Il-President tal-Grupp Azimut Benetti Paolo Vitelli qal li b’dan l-investiment qed ikun immarkat il-bidu tal-operazzjoni sħiħa tal-Marina.
Qal li dan l-investiment ipoġġi lil Marina di Valletta fl-ogħla livell tas-suq fil-Mediterran u elenka l-għajnuna li sabu fuq livell amministrattiv b’effiċjenza li taqdi l-ħtiġijiet kif suppost.
Iddeskriva lil Malta bħala d-dar naturali tal-Grupp, u tenna li jinsabu lesti li jagħmlu aktar investiment f’pajjiżna.
Preżenti għal din l-okkażjoni kien hemm il-Ministru Ian Borg u ċ-Chairman u Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta.
Marina di Valletta hija konsorzju ta’ investituri barranin u lokali, u d-dħul tagħha matul din is-sena kien ta’ kważi biljun ewro.