Il-kumpanija fil-qasam tal-avjazzjoni SR Technics inawgurat espansjoni ta’ hangar ġdid li ser iservi għat-tiswija u l-manutenzjoni tal-ajruplani f’pajjiżna.
Dan l-investiment jammonta għal tnejn u erbgħin miljun ewro.
F’dan il-hangar ġdid li jkopri 40,000 metru kwadru, il-kumpanija se tkun kapaċi tagħmel tiswijiet u modifikazzjonijiet fil-kabini ta’ sitt ajruplani f’daqqa tat-tip Boeing 737 u Airbus A320.
Dan tħabbar f’ċerimonja ta’ inawgurazzjoni li għaliha attenda l-Prim Ministru Robert Abela flimkien mal-Kap Eżekuttiv tal-SR Technics Jean-Marc Lenz u l-Ambaxxatriċi għall-Iżvizzera Monika Schmutz Kirgöz.
Fid-diskors tiegħu l-Prim Ministru Robert Abela tenna s-sodisfazzjon tiegħu għal dawn il-faċilitajiet ġodda f’pajjiżna li jpoġġu lil pajjiżna fuq quddiem fl-Ewropa fil-qasam tat-tiswija u l-manutenzjoni tal-ajruplani.
Il-Prim Ministru spjega kif din l-inawgurazzjoni hija ċelebrazzjoni ta’ sforz kollettiv minn pajjiżna li ħadem qatigħ biex jattira l-investiment u jieħu ħsieb lil min jinvesti anki permezz tal-Covid Wage Supplement waqt l-imxija.
Riżultat ta’ dawn l-isforzi, minn dan il-proġett biss mistennija jinħolqu mijiet ta’ impjiegi ta’ kwalità, partikolarment għaż-żgħażagħ Maltin.
Qal, “SRT’s investment is creating brand new careers. That is why I believe there are immediate steps we must take to ensure long term viability of this industry. Number one, I believe we must set up a specific aviation education center that will cater for the needs of industry. That is what we mean by education and training that is designed for 2022, and beyond that.”
Dr Abela rrefera wkoll għal dan il-proġett importanti f’kuntest ta’ sfidi kbar fis-settur tal-avjazzjoni kawża tal-pandemija.
Minkejja dawn l-isfidi huwa sostna li l-Gvern se jibqa’ jkun ta’ spalla mal-investitur.
Qal, “Today, the outlook is looking much brighter, although the industry still faces a long road to full recovery. I get it. You face challenges in maintenance… supply chain difficulties… system inconsistencies and spiralling costs. And my government stands ready to help – We are not some distant ‘master’ that just makes the rules. We are a partner… And a partner who listens.”
Il-Prim Ministru tkellem dwar l-importanza li f’dinja diġitali jibqa’ jkun hemm sistema ta’ checks and balances sabiex l-avvanz ekonomiku jibqa’ jkun wieħed effettiv u effiċjenti.
Għalhekk tenna li jekk dan il-Gvern jerġa’ jingħata mandat ieħor għall-leġislatura li jmiss, dan se jkun qed jibqa’ jisma’.
Dan speċjalment quddiem żmien fejn l-ekonomija bdiet tirpilja mill-effetti tal-pandemija.
Qabel il-Prim Ministru tkellmet il-Ministru għall-Intrapriżi Miriam Dalli, li semmiet kif dan il-Gvern dejjem emmen f’kumpaniji bħal SR Technics, u dan jixhdu l-investiment qawwi li wettaq f’bosta industriji, partikolarment fi żminijiet ta’ pandemija.
Fl-istess inawgurazzjoni tkellem il-Kap Eżekuttiv tal-SR Technics, il-kumpanija bil-kwartieri ġenerali fl-Iżvizzera.
Huwa fisser kif din l-espansjoni se ġġib ġid fl-ekonomija Maltija u toħloq mal-ħames mitt impjieg.
Qal, “This new hanger is also a great opportunity for the Maltese economy, for Malta as a country, Malta to develop basically the aviation cluster. I am hoping to have a great future with you and I am hoping that we can at least double the workforce in the future with many Maltese employees and leaders here.”