Il-Prim Ministru Robert Abela inawgura fabbrika ġdida mill-Grupp Sterling fiż-żona industrijali ta’ San Ġwann fl-istess jum li fih ġew ippubblikati riżultati pożittivi dwar it-tkabbir ekonomiku.
Il-fabbrika saret b’investiment ta’ erba’ miljun ewro mill-Grupp biex permezz tal-infrastruttura meħtieġa, il-Grupp Sterling jilqa’ għad-domanda dejjem qed tiżdied li qed tesperjenza u esperjenzat il-kumpanija matul l-aħħar snin, bl-għan ewlieni ta’ dan l-investiment infrastrutturali jkun li tibqa’ toffri l-aqwa servizz lill-klijenti lokali u internazzjonali.
Akkumpanjat minn martu Dr Lydia Abela, il-Prim Ministru stqarr kif in-negozji qed jaħsdu l-frott tar-riżultati ekonomiċi pożittivi li n-negozji lokali stess qed jikkontribwixxu għalihom.
Fl-istess jum sar magħruf kif fl-ewwel disa’ xhur tas-sena kellna investiment ta’ aktar minn €2.6 biljun.
Dan huwa terz ta’ biljun ewro aktar fuq l-istess perjodu qabel il-pandemija.
Fi kliem iċ-Chairman tal-kumpanija, Alfred Fenech, it-tmexxija tal-Grupp qatt ma bassret li 45 sena ilu, intrapriża ta’ negozju li bdiet minn ħanut żgħir f’Buġibba, kienet se twassal biex illum il-kumpanija tkun kibret tant li t-tieni ġenerazzjoni tal-familja kollha llum għandhom irwol ewlieni f’dipartimenti differenti tal-kumpanija.
Il-Perit inkarigat mill-proġett Christian Spiteri stqarr kif il-binja għandha wkoll ċertu valur estetiku.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Sterling Jewellers, Romina Grech Fenech qalet li dan il-bini huwa riżultat tal-viżjoni ta’ kontinwità tal-Grupp Sterling: dik li jilħaq livell għoli ġdid fl-industrija tal-manifattura tal-ġojjellerija.
Qalet, “L-idea ta’ dan l-investiment kienet li nintegraw kollox taħt saqaf wieħed, biex nibdew il-prodott minn incubation period, mindu nagħmlu d-design, sakemm isir manifatturat, bil-marketing department kif ukoll jispiċċa fil-ħwienet tagħna.”