Fiż-Żona Industrijali ta’ Ħal Far, il-Prim Ministru Robert Abela inawgura fabbrika ġdida ta’ investituri Maltin li espandew bl-operat tagħhom u jipprovdu prodotti importanti anki fi proġetti infrastrutturali maġġuri.
Il-kumpanija, E&L Enterprises kabbret il-ħidma tagħha, fejn grazzi għal dan l-investiment, imxiet mill-fabbrika li kellha għal oħra bi spazju ġdid ta’ 4,000 metru kwadru.
Dan l-investiment fil-fabbrika l-ġdida jiżboq it-€2.6 miljun u jikkumplimenta investiment ieħor li sar mill-kumpanija f’makkinarju ġdid.
L-investiment sar ukoll bl-għajnuna ta’ skemi ta’ appoġġ tal-Malta Enterprise u INDIS tat l-allokazzjoni tal-art fejn inbniet il-fabbrika l-ġdida biswit dik ta’ qabel.
F’indirizz li għamel il-Prim Ministru Robert Abela nnota kif din il-kumpanija li hi fdata wkoll bi proġetti infrastrutturali f’pajjiżna, bdiet b’negozju tal-familja self-employed u llum tħaddem in-nies u espandiet. Saħaq li negozji bħal dawn huma s-sinsla tal-ekonomija ta’ pajjiżna u għalhekk ħaqqhom kull appoġġ.
Il-Prim Ministru Robert Abela nnota kif aktar investiment ta’ kwalità qed isir f’pajjiżna. Hawn, Dr Abela irrefera għall-istrateġija tal-Malta Enterprise li qed tiffokka fuq appoġġ lill-investimenti li jagħtu aktar kwalità milli kwantità. Fil-fatt, huwa ħabbar li bejn l-2022 u l-2024, il-Malta Enterprise approvat investimenti ta’ investituri Maltin li jlaħħqu l-€132 miljun u li huma ta’ kwalità.
Il-Prim Ministru sostna li l-investitur Malti huwa ħolqa importanti fil-ħolqien ta’ karrieri ta’ kwalità għaż-żgħażagħ tagħna u għalhekk ukoll l-investiment fil-ħiliet tal-ħaddiema. Semma wkoll l-importanza tat-taħriġ vokazzjonali u s-saħħa tal-ekonomija li tibqa’ tattira investiment li jissarraf f’suċċess.
Min-naħa tiegħu, id-Direttur Maniġerjali ta’ E&L Enterprises Joseph Camilleri rringrazzja lill-Gvern tal-appoġġ u l-fiduċja fl-investiment li wettqet il-kumpanija u spjega kif it-taħriġ kontinwu fil-ħaddiema jibqa’ pedina importanti fis-suċċess tal-kumpanija.
Qabel l-inawgurazzjoni ta’ dan l-investiment, il-Prim Ministru żar il-fabbrika u ra l-makkinarju ġdid u l-operat tal-kumpanija. Hemmhekk ra wkoll struttura li qed tinħadem għall-proġett maġġuri tal-Imsida Creek.
