B’investiment ta’ erbatax-il miljun ewro, il-Prim Ministru Robert Abela inawgura dar tal-anzjani ġdida fil-qalba ta’ Ħal Għaxaq.
B’mija u ħamsin sodda, Ghigo Community Residence hija mgħammra biex tipprovdi l-kura erbgħa u għoxrin siegħa kuljum, u għandha faċilitajiet tal-ogħla livell b’karatteristiċi mill-isbaħ li jirriflettu dak kollu li hu Malti, bil-għan li jżommu lill-anzjani viċin l-ambjent tradizzjonali li jkunu trabbew fih.
Id-dar hija mgħammra wkoll b’servizzi aċċessibbli għal anzjani b’dipendenza għolja.
Filwaqt li l-maġġoranza tal-kmamar joffru veduta mill-isbaħ tar-raħal pittoresk ta’ Ħal Għaxaq, kull kamra hija mgħammra b’WIFI, sistema biex tissejjaħ l-għajnuna ta’ infermiera, televiżjoni u servizzi oħra li jtejbu l-ħajja tal-anzjani.
Il-Prim Ministru Robert Abela qal li minkejja l-isfidi tal-pandemija, il-privat baqa’ reżiljenti u xorta investa biex joħloq l-impjiegi.
Fl-istess waqt, permezz ta’ dan il-proġett, l-anzjani se jkollhom kura tal-ogħla livell.
Il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia nnota li dan l-investiment ħoloq mitt impjieg ġdid, u se jwassal biex tkompli tonqos il-lista ta’ stennija ta’ anzjani li jkollhom ix-xewqa li jidħlu f’dar li toffrilhom kura u wens.
Is-sid tar-residenza John Ghigo semma kif dan il-proġett jirrifletti l-viżjoni personali tiegħu li minn dejjem xtaq joffri post xieraq lill-anzjani biex jgħixu f’kumdità u trankwillità.