Il-Prim Ministru Joseph Muscat dalgħodu inawgura ċentru ta’ matul il-jum attrezzat għal persuni bid-dimensja f’pajjiżna, b’investiment tal-kumpanija Lyons Care.
Dr Muscat b’sodisfazzjon innota li dan iċ-ċentru qiegħed jindirizza ż-żewġ għanijiet prinċipali tal-Gvern f’dan il-qasam, “li nippromwovu l-indipendenza ta’ persuni bid-dimensja u li nieħdu ħsieb iċ-ċirku ta’ madwarhom li jkun affetwat”.
“Meta s-settur privat iħares lejn il-bżonnijiet tas-soċjetà Maltija u jindirizza l-investiment tiegħu għal dawn il-bżonnijiet ma jkunx biss qed jinvesti fis-sod, iżda jkun qed jagħmel servizz lill-poplu. Għalhekk, f’investimenti bħal dawn, bħala Gvern inħarsu lejn is-settur privat bħala partner tagħna u mhux kompetitur”, qal Dr Muscat.
F’dan il-qasam tad-dimensja, il-Gvern ta direzzjoni ċara bit-tnedija tal-Istrateġija Nazzjonali għad-Dimensja fil-Gżejjer Maltin għall-2015 sa 2023, li hija ta’ gwida anke għas-settur privat.
Is-Segretarju Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Anthony Agius Decelis spjega li l-politika strateġika f’dan is-settur hija bbażata fuq li primarjament inqajmu kuxjenza u li nkunu ta’ sostenn u sapport, permezz ta’ diversi servizzi fil-komunità imma anke dawk residenzjali.
Is-Sur Mark Bajada, Direttur ta’ Lyons Care, sostna li dan iċ-ċentru ta’ matul il-jum huwa ddisinjat bi ħsieb li jkun attrezzat għal persuni b’dimensja, u se jkun qiegħed jilqa’ madwar 20 persuna kuljum. Lyons Care se tkun qiegħda tinvesti f’aktar ċentri tad-dimensja madwar Malta u Għawdex.