B’investiment ta’ miljun u tmien mitt elf ġie inawgurat iċ-ċentru ġdid tal-anatomija, ‘state of the art’, ħdejn l-Isptar Ġenerali t’ Għawdex.
L-inawgurazzjoni saret mill-Prim Ministru Joseph Muscat, 342 sena wara li l-Gran Mastru Nicolas Cottoner kien fetaħ l-iskola tal-anatomija fis-Sacra Infermeria dik li illum hija l-Mediterranean Conference Centre fil-Belt.
Il-Kostruzzjoni taċ-ċentru saret minn Steward Healthcare. Iżda ċ-ċentru se jitmexxa minn Barts and The London School of Medicine and Dentistry fi ħdan il-Queen Mary University of London, u jifforma parti minn skola medika ġdida fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex.
Filfatt, 59 student ta’ Barts, fl-ewwel u tieni sena tal-istudji tagħhom, se jibdew jitgħallmu f’dan iċ-ċentru tal-anatomija.
Studenti ġejjin mill-Ewropa partikolarment ir-Renju Unit, iżda mhux biss. Hemm studenti ġejjin ukoll minn pajjizi bħal Żvizzera, Awstralja, Canada u Hong Kong.
L-iskola medika Barts bdiet topera fil-gżira Għawdxija fil-11 tas-settembru 2017, sakemm tlesta dan iċ-ċentru. It-tgħallim beda jsir mis-sixth form ta’ Għawdex.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li rridu li dawn l-istudenti ikunu kburin li jsejjħu lill-gżira tagħna bħala d-dar tagħhom.
Iċ-ċentru tal-anatomija għandu disinn uniku u modern u huwa mgħammar bl-iktar faċilitajiet moderni sabiex jgħinu fit-tagħlim tal-anatomija fosthom laboratorju tal-anatomija, fejn studenti jistgħu jagħmlu ‘practicals’ filwaqt li l-għalliema jistgħu jagħtu spjegazzjonijiet billi jużaw kampjuni u mudelli anatomiċi.
Il-laboratorju jinkludi żona apposta għad-dissezzjoni, u għandu faċilitajiet sabiex jintwerew ritratti kliniċi, filmati ta’ proċeduri kirurġiċi u ritratti speċjalizzati bil-kompjuter.
Il-bini huwa mgħammar b’uffiċini għall-istaff akkademiku, tekniku u amministrattiv.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-partners tal-gvern, kemm Barts kif ukoll Steward Healthcare, dak li wegħdu qegħdin iwettquh kemm bil-bini tal-iskola medika li se titlesta fir-Rebbiegha, kif ukoll sabiex l-isptar ġenerali ta’ Għawdex u Karin Grech, ikunu faċilitajiet tal-aqwa livell fid-dinija.