It-Tlieta filgħaxija f’Ħas-Saptan ġie inawgurat ċentru ġdid għad-distribuzzjoni tal-fjuwil.
Dan grazzi għal investiment ta’ €70 miljun mill-kumpanija Enemed li huwa d-distributur nazzjonali tal-prodotti tal-fjuwil f’pajjiżna.
Il-faċilità l-ġdida hija mgħammra bl-aħħar teknoloġija u permezz ta’ operat aktar modern, ser tiżdied l-effiċjenza b’sittin fil-mija filwaqt li jonqsu l-emmissjonijiet b’għoxrin fil-mija.
Il-vjaġġ li wassal għal dan iċ-ċentru l-ġdid kien jinkludi l-għeluq tal-impjant f’Birżebbuġa li kien ta’ piż fuq ir-residenti ta’ dan ir-raħal.
Waqt l-inawgurazzjoni, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq fuq l-importanza tal-bilanċ bejn l-industrija li toħloq prodott għall-konsum f’pajjiż li għandu ambjent nadif u ekonomija b’saħħitha.
Dr Abela tenna li dan il-Gvern huwa wieħed li rrikonoxxa r-realtajiet tan-nies b’mod partikolari dawk ta’ Birżebbuġa.
“Spiċċa ż-żmien illi n-naħa t’isfel ta’ pajjiżna naħsbu fiha biss meta jkun hemm xi proġett industrijali u kull fejn dawn il-proġetti industrijali huma meħtieġa, isiru iżda jsiru bi standards aħjar u bi standards għola għax ir-realtajiet tan-nies nifhmuhom u nesperjenzawhom ta’ kuljum.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Iċ-Chairman Eżekuttiv tal-kumpanija Enemed qal li dan huwa jum ta’ suċċess għal din il-kumpanija.
Hu spjega li l-flotta tat-trakkijiet ġiet immodernizzata u dan apparti li permezz tal-faċilità ġdida l-impjegati ta’ din il-kumpanija ngħataw dinjità li jixraqilhom għax minn għodda antikwata għandhom għodda li jnaqqas l-istrapazz.
“Dan il-proġett flimkien ma’ proġetti oħra li wettaqna jikkonfermaw l-impenn tagħna li nkomplu ntejbu l-operat. Il-kumpanija ma qagħditx lura milli tinvesti aktar minn sebgħin miljun biex ikollha faċilitajiet l-aktar siguri u effiċjenti b’rispett sħiħ lejn l-ambjent. Jekk inhi użu tal-art, din il-faċilità hija sitt darbiet iżgħar mill-faċilità ta’ Birżebbuġa, jekk hu effiċjenza fil-mili tal-bowsers, f’din il-faċilità l-bowser jimtela’ f’inqas min-nofs il-ħin li kien jimtela’ qabel.”
Iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Enemed
Intant fid-diskors tagħha, il-Ministru għall-Enerġija u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli stqarret li l-immodernizzar tal-impjant fisser ukoll immodernizzar ta’ pompi tal-fjuwil madwar pajjiżna. B’hekk permezz din l-infrastrutta aktar moderna tagħti daqqa spinta lis-sostenibbilità ambjentali madwar Malta.
“Ifisser li qegħdin inwettqu l-viżjoni tagħna dik li nneħħu l-impjanti tal-fjuwil mil-lokalità ta’ Birżebbuġa, anqas tniġġis għar-residenti ta’ Birżebbuġa u l-madwar u anqas inkonvenjent. Filfatt, grazzi għall-pass li ħadna, illum, Birżebbuġa tara 44 vjaġġ tat-trakk anqas kuljum li qabel kienu jgħaddu minn dik il-lokalità.”
Il-Ministru Miriam Dalli
Apparti l-immodernizzar tat-tagħmir u l-operat tal-faċilità, saret ukoll l-installazzjoni ta’ saff ieħor fit-tankijiet tal-fjuwil biex b’hekk dawn ikunu aktar siguri.