Fi stqarrija, il-Gvern qal li dak li kiteb l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin dwar avvenimenti uffiċjali tal-Gvern, fejn intqal li l-Prim Ministru Robert Abela mhuwiex qed isegwi l-liġi dwar l-ilbies tal-maskra huwa fattwalment skorett.
L-Uffiċċju tal-Prim Ministru ċaħad kategorikament li l-Prim Ministru mhuwiex jimxi mal-avviż legali li daħal permezz tad-deċiżjoni tiegħu bil-għan li jipproteġi lill-poplu Malti u Għawdxi kollu.
F’din l-istqarrija ntqal ukoll li l-Prim Ministru qed ikun liebes konsistentement il-maskra fit-termini tal-avviż legali, filwaqt li qed titneħħa, kif anke tagħti lok id-deċiżjoni tas-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, waqt li jkun qed jindirizza l-pubbliku.
L-Uffiċċju tal-Prim Ministru qal li f’dan il-każ, il-ġurnalisti għandhom huma stess iżommu d-distanza bejniethom.
Intant fi stqarrija l-Partit Laburista qal li l-Prim Ministru Robert Abela qatt ma waqaf iwieġeb il-mistoqsijiet tal-ġurnalisti.
Il-Partit Laburista nnota li l-IĠM ma applikax l-istess standards meta Bernard Grech sar Kap tal-Partit Nazzjonalista, jew meta l-istess Grech tkellem fil-Parlament, sal-bieraħ stess, mingħajr maskra.