Il-Prim Ministru Joseph Muscat laqa’ lit-tim Nazzjonali Malti tal-waterpolo fil-Berġa ta’ Kastilja fejn preżenta rikonoxximent lill-plejers li reġgħu kitbu l-istorja fil-waterpolo Malti.
Dan hekk kif dan ikkwalifika għat-tieni darba konsekuttiva għall-Kampjonat Ewropew.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat sostna li r-rebħ iġib interess u kuraġġ u li rizultati bħal dawn iservu ta’ ispirazzjoni. Fosthom bejn it-tfal u ż-żgħażagħ, li qed juru interess akbar fi sport marbut mal-għawm.
Muscat qal li dan l-Interess qed iwassal ukoll għal aktar investiment f’dan l-isport u ħabbar li għaddejjin diskussjonijiet ma’ pajjiż partikolari biex joffru aktar taħriġ tekniku lill-plejers tal-waterpolo.
Min-naħa tiegħu l-President tal-Assoċjazzjoni Joe Caruana Curran stqarr li kieku ma kienx għall-investiment li għamel il-Gvern fl-aħħar żmien f’dan l-isport, dawn ir-riżultati kienu jibqgħu biss ħolma.
Is-Segretarju Parlamentari għall-isport, Clifton Grima temm jgħid li din il-kisba hija realtà sabiħa tal-isport Malti filwaqt li assigura aktar ħidma biex dan ikompli jiġi sostnut.