Il-Prim Ministru Robert Abela kellu laqgħa bilaterali mas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa, Alain Berset, fil-marġini tal-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda li qegħda titlaqqa’ fi New York, l-Amerka.
Fil-laqgħa ġew diskussi diversi temi, fosthom il-paċi u s-sigurtà u l-bżonn tagħhom partikolarment fil-Lvant Nofsani u fl-Ukrajna.
Dr Abela rrimarka għall-koperazzjoni reġjonali u pajjiżna qed jagħmel dan, anke kif bħalissa għandha l-Presidenza tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa, l-OSCE.
Hu faħħar il-multilateraliżmu muri mill-Kunsill tal-Ewropa f’dan l-aspett, fosthom ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali bħalma hi l-OSCE.
Il-Prim Ministru qal li jħares ’il quddiem lejn il-Presidenza Maltija tal-Kunsill minn Mejju li ġej sa Novembru tas-sena d-dieħla.
Jakkumpanjaw lill-Prim Ministru Malti kien hemm id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ, Ian Borg, is-Segretarju Permanenti Christopher Cutajar u l-Kap tas-Segretarjat fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Mark Mallia.