Illejla, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista, Robert Abela kompla jiltaqa’ man-nies u l-familji, fl-Imtarfa u fl-Iklin.
Fiż-żewġ lokalitajiet, il-Prim Ministru qal lill-folol li kienu qed jistennewh, li jum l-għażla għaxart ijiem ieħor jimmarka deċiżjoni importanti bejn il-passat u l-futur.
Jumejn wara li l-familji Maltin u Għawdxin bdew jirċievu ċ-ċekk ta’ rifużjoni tat-taxxa u dak ta’ stimulu li ħaddieħor sejħilhom gimmicks, Dr Abela fakkar li dan iċ-ċekk tqassam mhux għax ninsabu f’kampanja elettorali, imma għax kull sena, dan il-Gvern għen lin-nies u tahom rifużjoni tat-taxxa.
Bl-istess mod qalilhom li jekk jingħata l-fiduċja, se jibqgħu jirċievu ċ-ċekkijiet f’impenn li dan il-Gvern għamel u bi kredibilità li jista’ jwettaq bħalma għamel fl-aħħar snin.