Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela kompla jiltaqa’ man-nies fil-qalba tal-ibliet u l-irħula f’pajjiżna; illejla f’Ħal Farruġ u fil-Kalkara.
B’żewġt itfal maġenbu f’Ħal Farruġ, il-Mexxej Laburista ngħata merħba mill-isbaħ minn dawk li nġabru biex jisimgħu l-messaġġ tiegħu, fejn tkellem dwar l-aħħar sentejn, li ġabu magħhom sfidi kbar minħabba l-pandemija.
Qal li l-isfidi reġgħu magħna minħabba l-kriżi fl-Ukrajna, li jfissru riperkussjonijiet ekonomiċi u ta’ inflazzjoni, u huwa għalhekk li l-pajjiż għandu bżonn Gvern Laburista jibqa’ jmexxih.
Minn Ħal Farruġ, il-Prim Ministru baqa’ sejjer il-Kalkara, fejn biswit l-iskola primarja sab folla kbira ta’ nies u tfal entużjasti biex jisimgħu l-messaġġ tiegħu.
Huwa tkellem dwar l-għażla fis-sitta u għoxrin ta’ Marzu li ġej, li fi kliemu għandha tkun ibbażata fuq il-konsistenza li wera Gvern Laburista tul l-aħħar sentejn.