Fil-Berġa ta’ Kastilja, il-Prim Ministru Robert Abela ltaqa’ mar-rappreżentanti tal-Kamra tal-Kummerċ.
Dan bħala parti mill-proċess ta’ konsultazzjoni dwar il-Budget għas-sena d-dieħla, li se jitressaq fil-ħdax t’Ottubru li ġej.
Hawnhekk, il-Kamra tal-Kummerċ ppreżentat dokument ta’ mija sitta u disgħin proposta, li l-għan tagħhom huma li jindirizzaw l-isfidi kkawżati mill-pandemija.
Tul din il-laqgħa, il-President tal-Kamra tal-Kummerċ Marisa Xuereb irringrazzjat lill-Gvern talli f’mument fejn id-dinja ffaċċjat pandemija, f’pajjiżna, in-negozji Maltin u Għawdxin sabu Gvern li sostnihom.
Il-Prim Ministru Robert Abela qal kif konsultazzjonijiet bħal dawn huma okkażjonijiet li fihom qed jitħejja l-futur ta’ pajjiżna.
Dr Abela saħaq li flimkien jista’ jitfassal programm ta’ ħidma li jdawwar dawn l-isfidi f’opportunitajiet għal pajjiżna.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Kamra tal-Kummerċ Marthese Portelli qalet kif dawn il-proposti saru wara konsultazzjoni mal-membri kollha tagħha u b’hekk dawn jirriflettu firxa wiesgħa tan-negozji.
Preżenti għal din il-konsultazzjoni kien hemm il-Ministri Clyde Caruana, Silvio Schembri, Miriam Dalli u Aaron Farrugia.