Wara staġun imnaqqax fl-istorja, it-tim tal-Futsal tal-Luxol jinsab impenjat bl-aħħar tħejjijiet tiegħu biex il-ġimgħa d-dieħla jkollu l-ewwel appuntament tiegħu fil-kompetizzjoni taċ-Champions League tal-futsal fi Tromso fin-Norveġja.
It-tim tal-Futsal ġew inkurunati champions doppji wara li rebħu l-kampjonat u l-kompetizzjoni tan-Knock Out.
Waqt żjara f’Kastilja, il-Prim Ministru Joseph Muscat feraħ lill-plejers kollha għas-suċċessi li kisbu filwaqt li awguralhom għall-impenji imporanti li se jkollhom barra minn xtutna.
Il-Prim Ministru qal li t-tim tal-Futsal huwa xempju ta’ mentalitá rebbieħa li hemm bżonn tkompli tkun mgħallma liż-żgħażagħ u l-atelti ta’ għada.
One News tkellem mal-captain tat-tim, Mark Zammit dwar l-aħħar preparamenti tat-tim quddiem din l-esperjenza fix-xena internazzjonali tal-futsal.
Intant fil-Berġa ta’ Kastilja, il-Prim Ministru laqa’ wkoll grupp ta’ ċiklisti li se jieħdu sehem fil-wieħed u għoxrin edizzjoni tal-Lifecycle Challenge li din is-sena se teħodhom fi vjaġġ li se jibda mill-Vjetnam u jkompli f’Laos u l-Kambodja.
Rotta ta’ kważi elfejn kilometru mifruxa fuq għaxart ijiem li matulha se jinġabru fondi għal dawk li jbatu mill-mard tal-kliewi.
Il-Prim Ministru Muscat awgura liċ-ċiklisti kollha edizzjoni oħra ta’ suċċess filwaqt li faħħar lil din il-fondazzjoni għax-xogħol siewi li tagħmel għal dawk kollha li jbatu mill-mard tal-kliwi.
Alan Curry il-fundatur tal-Fondazzjoni Lifecycle tkellem dwar il-ħidma tal-fondazzjoni tul l-aħħar sena.