It-Tlieta waranofsinhar waslet f’pajjiżna, iċ-ċkejkna Saleh, li tilfet lil ommha u lil ħuha, kawża ta’ attakk Iżraeljan fin-Nofsinhar ta’ Gaza.
Fil-wasla tagħha fil-mitjar Malti, Saleh kienet imdawra minn diversi persuni li ġew biex jilqugħa u jagħtuha diversi rigali.
Iċ-ċkejkna minn Gaza, sofriet minn ġrieħi serji f’saqajha u għal xi żmien kienet anke mitlufa, sa ma nstabet minn missiera, grazzi għal appell li kien għamel fuq il-midja soċjali.
Hekk kif jixhdu diversi rapporti fil-midja internazzjonali, huma ftit l-isptarijiet f’Gaża, li għadhom qed joperaw, u b’hekk Selah, inġiebet f’pajjiżna flimkien ma’ missierha, grazzi għal kollaborazzjoni bejn il-Gvern Malti u l-ambaxxata Palestinjana f’pajjiżna.
Fil-fatt, mal-wasla tagħha f’pajjiżna, Saleh ntlaqgħet mill-Prim Ministru, Robert Abela u martu Lydia Abela. Fuq il-profil tiegħu fuq il-midja soċjali, il-Prim Ministru Robert Abela assigura kif pajjiżna se jkun qed jieħu ħsieb liċ-ċkejkna.
Fis-sala tal-wasliet, Fadi Hanania, l-ambaxxatur għall-Palestina, f’Malta, ġarr liċ-ċkejkna f’dirgħajh, filwaqt li rringrazzja lil dawk kollha li għamlu l-wasla ta’ Selah mill-Eġittu possibli.
Min-naħa tagħha iċ-ċkejkna bdiet titbissem u titfa’ l-bews lil dawk kollha li laqgħuha.
Huwa kompla billi rringrazzja membri mill-Gvern Malti, fosthom il-Prim Ministru Robert Abela, għall-għajnuna tagħhom.
Qal, “And our deep appreciation, goes to the Government of Malta, headed by the Honourable Prime Minister, who just came now, to welcome Saleh, and his wife Dr. Abela. Thanks to the Minister for Foreign Affairs, Minister Borg, for facilitating Saleh’s arrival to Malta. And to our beloved President, Dr. George Vella.”
Hanania spjega kif Saleh hija xempju tar-reżilejnza tal-vittmi kollha tal-gwerra f’Gaza, hekk kif hija kienet instabet ħajja qalb it-tifrik.
Huwa temm jgħid, li jixtieq li aktar tfal ikunu jistgħu jirċievu l-kura f’pajjiżna, sabiex ladarba jġibu saħħithom lura, imorru lura f’pajjiżhom, sabiex jibnuh mill-ġdid.
Qal, “Hopefully with all your generous donations, we can bring more children to get medication here, and when they heal, they will go back to rebuild Gaza. Hopefully, we all go back to Gaza, rebuild it together as part of our independent Palestinian state.”
Intant, aktar kmieni, crew minn dal-istazzjon, żar sit fil-Marsa, fejn diversi membri mill-Ambaxxata Palestinjana, kienu qed iħejju kontejner ta’ għajnuna umanitarja, sabiex jittieħed f’Gaża. Dan il-kontejner se jkun saħansitra akkumpanjat minn rappreżentanta Palestinjana f’pajjiżna, sabiex tagħmel ċert li dan jasal u jitqassam b’mod ġust.