Il-Prim Ministru Robert Abela kiteb ittra lill-Prim Imħallef Mark Chetcuti sabiex bl-eżerċizzju tas-setgħat u prerogattivi tiegħu jiżgura li l-inkjesta maġisterjali b’rabta mal-mewt ta’ Jean Paul Sofia tingħalaq bl-aktar mod effiċjenti.
Dan sabiex il-kors tal-ġustizzja jimxi ’l quddiem u kull min kien responsabbli għall-akkadut, iwieġeb għal għemilu.
F’ittra ppubblikata, il-Prim Ministru kiteb fl-isfond li erba’ xhur u nofs wara mill-inċident fatali f’Kordin, l-inkjesta maġisterjali preseduta mill-Maġistrat Marseanne Farrugia għadha ma ngħalqitx.
U dan minkejja r-riżorsi kollha mitluba inkluż l-esperti tekniċi meħtieġa li għadha għad-disposizzjoni tagħha, il-Maġistrat Farrugia.
Il-Prim Ministru saħaq li meta wieħed iqis is-sensittività tal-każ, dan hu dewmien totalment inaċċettabbli.