Il-Prim Ministru Robert Abela se jitlob lill-Kumitat Nazzjonali għas-Sigurtà fuq l-Internet biex juża l-għarfien tal-membri fi ħdanu u joħroġ bi proposti dwar kif tista’ tissaħħaħ il-ġlieda kontra atti qarrieqa fuq l-internet.
Fi stqarrija l-Uffiċċju tal-Prim Ministru rrefera għal diversi attentati fejn kien hemm min ipprova jaġixxi ta’ persuni jew ta’ entitajiet oħrajn, filwaqt li jiġġenera kontenut online.
Il-Prim Ministru nnifsu kien vittma ta’ attentat simili fil-15 ta’ Awwissu, meta f’ismu ntbagħtu emails lil xi ġurnalisti.
B’mod immedjat sar rapport dwar dan lill-Aġenzija Maltija għat-Teknoloġija u l-Informazzjoni, il-MITA.
Il-Prim Ministru qal li l-fatt li fl-aħħar jiem kien hemm attentati biex pubblikament jinbnew numru ta’ artikli maħsuba speċifikament biex iqarrqu bil-pubbliku li jkun qed jaqra u jsegwi, hu ta’ tħassib.
Qal li flimkien mal-ħidma tal-Kumitat tas-Cyber Security, il-pulizija se tibqa’ miexja bl-investigazzjonijiet tagħha.
Dr Abela mhux biss ikkundanna dawn l-atti iżda saħaq ukoll li dawn m’għandhom l-ebda post fis-soċjetà.