“Dan il-Gvern se jara li jibqa’ joffri ċertezza u serħan il-moħħ lill-industriji importanti għall-ekonomija ta’ pajjiżna. Dan filwaqt li fl-istess ħin inkunu ġurisdizzjoni serja, reputabbli u li tipprovdi l-aħjar qafas għal dawn l-istess industriji.”
Sostna dan il-Prim Ministru Robert Abela hekk kif indirizza lill-Parlament it-Tnejn filgħaxija, fi stqarrija ministerjali li tat rendikont tal-ħidma tiegħu u dak li ġie diskuss waqt summit tal-Kunsill Ewropew fi Brussell.
Fil-fatt, Dr Abela sostna li suġġett ewlieni li ddomina id-diskussjonijiet kien dak tal-ekonomija, hekk kif spjega li fid-diskussjoni poġġa ’l quddiem erba’ punti prinċipali importanti. Dak li jiġi sfruttat il-potenzjal ta’ proġetti ta’ interess komuni għall-Unjoni Ewropea, il-konnettività, suq ħieles li jaħdem b’mod ġust u kundizzjonijiet ekwi għan-negozji żgħar u medji. Dan anke fl-isfond tal-isfida tal-inflazzjoni.
“Meta nitkellem fuq l-isfond ta’ pajjiżna ngħid kemm hu kruċjali li nħaffu fid-deċiżjonijiet u nkunu aggressivi biex nipproteġu l-ekonomija, anke fil-kuntest ta’ pajjiż żgħir li ngħixu fih. Kemm irridu nibqgħu naħdmu kuljum għal tkabbir ekonomiku sostenibbli u kemm meta qed nitkellmu fuq ekonomija ma hemm xejn li nistgħu nieħdu for granted.”
Il-Prim Ministru kellu wkoll aħbar tajba għal pajjiżna frott il-konklużjonijiet tal-aħħar Kunsill Ewropew. Konklużjoni li ssolvi l-problema ta’ pajjiżi, bħal Malta, li għal numru ta’ esportaturi f’oqsma importanti bħal dak tal-mediċina, jaraw is-suq tagħna żgħir wisq biex jissupplixxuh.
“Fost l-oħrajn dan il-pakkett jaħseb biex il-kumpaniji li jipproduċu l-mediċina jiftħu l-aċċess għal prodotti farmaċewtiċi tagħhom għal pazjenti f’kull stat membru tal-Unjoni Ewropea irrispettivament mid-daqs ta’ suq. Għalhekk dan ifisser li f’kuntest ta’ suq żgħir, bħal dak ta’ pajjiżna, Malta se tkun qed tgawdi sewwa, għax ikun mistenni li jiżdied l-aċċess għall-mediċini għall-pazjenti tagħna”.
Dr Abela rrimarka wkoll l-importanza tal-prinċipju tas-suq ħieles għas-servizzi wkoll li jipprovdi l-opportunità li jkomplu jikbru l-oqsma diġitali – bħall-Igaming, il-Gaming, is-servizzi finanzjarji u oħrajn.
Fil-fatt, il-Prim Ministru sostna l-bżonn li dawn ikomplu jiġu indukrati.
“L-istess se nkunu qegħdin nagħmlu issa u bdejna diġà u anke fix-xhur li ġejjin fid-dawl ta’ sfidi internazzjonali u regolatorji li mistennija jidħlu fis-seħħ u li mhux żgħir, fi ftit tax-xhur oħra – b’ħidma mill-qrib magħhom, jiġifieri qed nitkellem mas-settur innifsu ħa naraw kif se nibqgħu nassiguraw ċ-ċertezza li dan is-settur, l-istabilità u serħan il-moħħ li se nkunu ġurisdizzjoni serja, reputabbli u li tipprovdi l-aħjar qafas regolatorju għal dawn l-industriji”.
Dwar id-diskussjonijiet fil-Kunsill Ewropew li jolqtu lin-negozji żgħar u medji, il-Prim Ministru ddeskrivihom bħala s-sinsla tal-ekonomija Maltija. Għalhekk tenna l-importanza li bħala pajjiż nemmnu li l-kundizzjonijiet ikunu ekwi għal kulħadd biex ilkoll igawdu minn benefiċċju tas-Suq Waħdieni.
“F’dan kollu kull darba se nimbuttaw bis-saħħa ’l quddiem dak li nemmnu fih bħala pajjiż: paċi, ġustizzja, ugwaljanza, opportunitajiet. Għax dan Gvern li jaħdem bi strateġija ċara. Hu x’inhu s-settur. U għalhekk ikompli jmexxi lil Malta u l-interessi tagħha ’l quddiem.”