Il-ħolqien ta’ relazzjoni ġdida wara Brexit kienet it-tema ta’ diskussjoni mtella’ mill-Institute of Directors f’Londra, organizzazzjoni li ilha mwaqqfa mill-1903 u li tirrapreżenta negozjanti ewlenin madwar ir-Renju Unit.
Il-Prim Ministru qal li Malta xtaqet li kieku l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea mhux se jseħħ, mhux b’nuqqas ta’ rispett lejn l-għażla demokratika tal-Brittaniċi, imma għaliex jingħad x’jingħad Brexit huwa proċess bla rebbieħa.
Dr Muscat qal li s-separazzjoni bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea se jħalli liż-żewġ naħat iktar dgħajfa. “Hija sfida bla preċedent għaliex qatt ma kienet l-intenzjoni tal-Unjoni Ewropea li titlef membru ewlieni bħar-Renju Unit. Għal pajjiżi bħal Malta, li spiss qasmet l-istess ħsieb ekonomiku liberali bħar-Renju Unit, din hija telfa ta’ sieħeb strategiku”, qal il-Prim Ministru.
Għar-Renju Unit, is-sitwazzjoni hija iktar ikkomplikata għaliex f’dan l-istadju għad irid jiġi deċiż liema tip ta’ relazzjoni se tinbena minn hawn ’il quddiem. Din id-deċiżjoni hija l-ewwel pass fit-triq biex tinbena relazzjoni ġdida.It-tieni pass huwa li jiġu deċiżi l-kundizzjonijiet li fuqhom se jinbnew id-dettalji tar-relazzjoni l-ġdida. Dan il-ftehim ikun irid jiġi rratifikat mill-istituzzjonijiet Ewropej u nazzjonali.
Bħala pajjiż żgħir b’ekonomija miftuħa u b’rabtiet kummerċjali sodi mar-Renju Unit, Malta hija favur li n-negozji jimirħu madwar l-Ewropa bi ftit li xejn ostakoli. Iżda, jekk ikun deċiż li r-Renju Unit ma tibqax parti mis-suq waħdieni, hu inevitabbli li r-rabtiet kummerċjali se jsofru bil-kbir.
“Ma rridx ninstema’ pessimist”, qal Dr Muscat, “Brexit mhux se tkun it-tmiem ta’ kollox għar-Renju Unit. Naf li l-qasam tan-negozju Brittaniku huwa dinamiku u flessibbli, u anke b’żieda fir-restrizzjonijiet, jista’ xorta jkun hemm relazzjonijiet ekonomiċi b’saħħithom bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea”.
It-tbassir li kumpaniji se jitilqu mir-Renju Unit bil-massa huwa esaġerat. Li probabilment jiġri huwa li kumpaniji jżommu preżenza fir-Renju Unit iżda jfittxu wkoll bażi fl-Unjoni Ewropea.
“U hawn tidħol Malta. Il-wirt komuni tagħna u s-sistema istituzzjonali tagħna se jiffaċilitaw relazzjonjiet kontinwi mar-Renju Unit. Hemm ħafna oqsma fejn, permezz ta’ Malta, operaturi Brittaniċi jistgħu jżommu attività fl-Unjoni Ewropea waqt li jieħdu vantaġġ mir-riżorsi li diġà jeżistu f’pajjiżna”, sostna l-Prim Ministru.
Dr Muscat qal li “il-pożizzjoni b’saħħitha tagħna tfisser li Malta hija interessata li tattira operaturi li jistgħu jgħinu fil-valur globali biex inkomplu niddiversifikaw l-ekonomija tagħna. Fis-snin li ġejjin se nkomplu nittrasformaw l-ekonomija f’waħda mill-aqwa tal-Ewropa”.
Sitt xhur ilu, waqt li ħaddieħor kien għadu qed jaħsibha jekk għandux jidħol għaliha, Malta ddeċidiet li taħdem biex issir l-ewwel ġurisdizzjoni Ewropea li tipprovdi sistema regolatorja għal distributed ledger technologies bħal blockchain.
Il-Prim Ministru semma wkoll il-leġiżlazzjoni f’Malta li tiffaċilita l-produzzjoni tal-prodotti tal-kannabis għall-użu mediku. Kumpaniji globali fl-industrija diġà nnutaw il-ħsieb pro-business ta’ Malta u għażlu lil pajjiżna bħala l-bażi Ewropea tagħhom.
“Nemmen li n-negozji tar-Renju Unit jistgħu jgħinuna nwettqu l-viżjoni tagħna għaliex Malta tipprovdi opportunità eċċellenti għal min irid ikompli jgawdi mill-vantaġġi tiegħu fis-settur tas-servizzi u jimraħ fis-suq waħdieni tal-Unjoni Ewropea”, temm jgħid Dr Muscat.
Wara d-diskors tiegħu, il-Prim Ministru kien intervistat mill-editur ta’ City A.M. Christian May.