“Partit tal-konfużjoni”. Saħaq dan il-Prim Ministru Robert Abela fir-replika tiegħu b’rabta mal-Baġit bit-tema ‘Pajjiż ta’ Kwalità’, meta tkellem dwar kif il-Partit Nazzjonalista, lanqas kellu d-diċenza jissottometti l-kontijiet finanzjarji tiegħu.
Fil-fatt il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech qal li t-tort hu tal-awdituri.
“Kif nistgħu qatt nimmaġinaw lill-Partit ta’ Bernard Grech jissottometti l-baġit ta’ pajjiż għall-approvazzjoni tal-Unjoni Ewropea fil-ħin, meta l-istess partit għal snin twal lanqas biss jissottometti l-accounts quddiem il-Kummissjoni Elettorali. Intom titkellmu fuq it-trasparenza?! U tiġu titkellmu fuq ir-rule of law?! Partit bla kredibilità, partit double standards, partit tal-konfużjoni.”
Il-Prim Ministru Robert Abela tenna wkoll kif saħansitra l-Kap Nazzjonalista Bernard Grech u x-Shadow Minister tiegħu, Graham Bencini, bdew jiktbu d-dokument ta’ qabel il-baġit u ma spiċċawhx, għax qatgħu qalbhom.
“Tridu turu kemm intom bravi u fl-istess ħin ma mortux għall-eżami. Bqajtu d-dar m’għamiltu xejn. Tiftakruhom fi żmien l-iskola, kien ikun hemm student li dejjem jiġi bla homework. Dejjem b’xi skuża. Dejjem nofs leħja. Bernard Grech iridha li lest jidħol Kastilja. Imma fil-verità Bernard Grech bħal dak l-istudent għażżien b’attitudni ħażina. Kif jgħidulek ma ttajjarx nar.”
Dr Abela tkellem ukoll dwar kif mingħand l-Oppożizzjoni ma tisma’ xejn ħlief attakki kontinwi fuq is-Servizz Pubbliku, fosthom lill-ħaddiema tal-PBS. Dan hekk kif spot informattiv tal-baġit li xxandar mill-midja Nazzjonalista stess ma tridx li joħroġ fuq ix-xandir nazzjonali.
Hawnekk sostna li dan il-baġit tant beżżgħu lil Bernard Grech li ġab lura lil Pawlu Borg Olivier biex fil-Qorti jattakka lix-xandir nazzjonali.
Sadanittant il-Prim Ministru Robert Abela feraħ lin-nominat għall-Kummissjoni Ewropea, Glenn Micllef, għall-prestazzjoni tiegħu u aċċenna kif dan juri kemm iż-żgħażagħ tagħna għandhom il-kredenzjali li jkollhom rwol ikbar fl-Unjoni Ewropea.
“Sur President ippermettili nikkummenta kif Glenn ġab fix-xejn min kellu dubji u rewwaħ biex pajjiżna jbiddel in-nomina tiegħu. L-importanza tal-portafoll fdat f’idejn pajjiżna qalulna li hu weak. Ilbieraħ il-forzi tan-negattività ħadu risposta.”