Fi stqarrija il-Prim Ministru ċaħad mill-ġdid b’mod assolut l-invenzjoni totali dwar account jew kumpanija li qed jintqal hi tiegħu, ta’ martu, jew familtu.
Tenna li ma jista’ jeżisti l-ebda dokument leġittimu dwar dan hekk kif din hija invenzjoni.Ġie rrapurtat li xi Membri Parlamentari Ewropej ingħataw xi tip ta’ dokumenti; dokumenti li l-Prim Ministru ma kellux l-opportunità jara. Xi ħaġa li turi kemm din l-invenzjoni qed tintuża għal skopijiet politiċi.
L-istqarrija tal-Prim Ministru tkompli tgħid li wieħed jittama li is-Sinjura Efimova u/jew dawk Maltin assoċjati magħha għaddew dawn l-allegat dokumenti lill-Maġistrat li qed imexxi investigazzjoni miftuħa fuq talba mill-Prim Ministru nnifsu.
Il-Prim Ministru ħeġġeġ lil dawn il-Membri Parlamentari Ewropej biex, kif titlob is-saltna tad-dritt, jgħaddu dawn id-dokumenti lill-Maġistrat Inkwerenti.
Il-Prim Ministru fakkar li dawn l-invenzjonijiet se jisfaxxaw fix-xejn meta l-investigazzjonijiet dwar dan ikunu konklużi.
Għal diversi drabi, il-Prim Ministru qal li jekk ikun hemm imqar nitfa verità f’dawn l-allegazzjonijiet, jirriżenja minnufih. U għaldaqstant jistenna li min qed jimbotta ’l quddiem dawn l-invenzjonijiet jieħu l-istess miżura f’każ li dawn l-allegazzjonijiet jirriżulta li mhumhiex minnhom.
L-istqarrija tagħlaq tgħid li din il-logħba ta’ wħud hija ferm iktar ’l isfel mill-istandards mistennija minn istituzzjoni serja, u sservi biss biex timbotta ’l quddiem narrattiva skreditata u politikament partiġġjana.